Fl-aħħar sigħat kienet għaddejja operazzjoni ma taqta’ xejn ta’ 24 siegħa biex jitneħħa kull periklu li żviluppa fil-bini ta’ Kordin Grain Terminal minħabba ħruq li kien hemm u fl-istess waqt jiġi salvat ftit mill-alfalfa li kien hemm f’silo separat.
L-Erbgħa filgħodu qabad nar f’żewġ silos b’riżultat li dawn mhux talli nqerdu għal kollox iżda kien hemm gassijiet perikolużi kawża ta’ dan l-inċident. Dawn iż-żewġ silos kienu qed jiġu sorveljati u fil-mument li t-temperatura bdiet tiela’ wisq, il-prodott tneħħa minn fejn kien u ttieħed f’impjant tal-WasteServ.
B’riżultat ta’ din id-deċiżjoni, 300 tunnellata ta’ alfalfa ġie salvat minn 1,300 tunnellata. Minkejja li kawża ta’ dan l-inċident inqered ħafna alfalfa, Malta xorta waħda għandha biżżejjed provvista sakemm tasal kunsinna oħra lejn pajjiżna.
Ammont kbir ta’ alfalfa kien qed jiġi priservat hekk kif wieħed mill-klijenti tal-kumpanija Kordin Grain Terminal ra li hemm inċertezza kbira fid-dawl tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
//= $special ?>