Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lill-eks Deputat Laburista Silvio Parnis

“Se jibqa’ magħruf bħala politiku ta’ qalb tajba li dejjem baqa’ viċin in-nies.”

Kien b’dan il-mod illi ġie deskritt l-eks Deputat Laburista Silvio Parnis meta l-Ġimgħa filgħodu ingħata l-aħħar tislima fil-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid.

Silvio Parnis tilef ħajtu t-Tlieta li għadda fl-età ta’ 57 sena, imdawwar bil-qraba tiegħu.

Fl-omelija tieghu, l-Arċipriet tal-Kolleġġjata Bażilika  ta’ San Pawl fir-Rabat, Dun Joseph Mizzi, iddeskriva lil Silvio Parnis bħala raġel sod fil-valuri tiegħu u li dejjem ra li jaqdi l-irwol tiegħu ta’ politiku minflok li jinqeda’ hu stess.

Preżenti għall-funeral kien hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-Kap tal-PN, Bernard Grech, il-Prim Ministru, Robert Abela, u diversi Membri Parlamentari miz-zewg nahat tal-Kamra.

Qabel il-funeral, il-korteo għadda minn quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, fejn l-Amministrazzjoni flimkien mal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista sellmu għall-aħħar darba lil Silvio Parnis.

F’karriera twila ta’ servizz pubbliku, kemm bħala xandar kif ukoll bħala politiku, Silvio Parnis dejjem ra li jħaddan fil-prattika l-valuri tal-ġustizzja soċjali u l-għajnuna lill-batut.

Għal ħames leġiżlaturi rrappreżenta l-kostitwenti tar-raba’ distrett elettorali fil-Parlament, wara li iktar qabel serva bħala Sindku Raħal Ġdid.

Silvio Parnis serva wkoll fil-Kabinett tal-Ministri.