Il-President u l-Gvern tal-Ukrajna qed jikkundannaw l-impenn tar-Russja għal waqfien mill-ġlied temporanju bħala ‘mossa ċinika’ u ‘strateġija tal-gwerra’ intiża biex twaqqaf l-avvanzi tal-qawwiet Ukreni fuq il-pożizzjonijiet (fl-Ukrajna) ikkontrollati mir-Russi.
Dan wara li l-President Russu Vladimir Putin kien ordna lill-Ministru tad-Difiża tiegħu, Sergei Shoigu, biex jimponi waqfien mill-ġlied ta’ 36 siegħa fil-front tal-gwerra mal-Ukrajna…Perjodu li suppost jikkoinċiedi maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied għall-Ortodossi Russi.
U filwaqt li Putin talab lill-Ukrajna biex ‘tirreċiproka’ b’ġest simili, il-Gvern Ukren irrifjuta għal dan kategorikament, bil-President Volodymyr Zelensky jinsisti li ‘Vladimir Putin u l-Kremlin qed jippruvaw iqarrqu bil-ħsieb li jiksbu vantaġġ militari f’dawn iċ-ċirkustanzi.’
L-istqarrija mill-Kremlin insistiet li l-ordni ta’ Putin biex jieqaf il-ġlied għal perjodu ta’ żmien mgħandhiex tfisser xi tnaqqis fil-livell tal-konflitt iżda l-fatt li hu irid jirrispetta t-talba tal-Patrijarku Kirill, il-Kap tal-Knisja Ortodossa Russa, għal ftit tal-paċi bil-għan li d-devoti jattendu għas-servizzi assoċjati mal-Milied tal-Ortodossi.
Min-naħa tiegħu Putin talab biex l-Ukrajna wkoll tieqaf mill-ostilitajiet ‘bil-għan li Lejliet il-Milied u l-Milied ikunu ċelebrati bix-xieraq minn kulħadd’ . Iżda l-President Zelensky, waqt diskors, qal li r-Russja, verament, trid tuża dan il-perjodu biex twaqqaf il-movimenti tat-truppi Ukreni fir-reġjun tad-Donbas waqt li żżid ir-reinforzi fid-diversi bnadi tal-Ukrajna.
Din is-sena, għall-ewwel darba, il-Knisja Ortodossa Ukrena ippermettiet biex id-devoti u l-kongregazzjonijiet jiċċelebraw Jum il-Milied fil-25 ta’ Diċembru, l-istess bħall-Kattoliċi madwar id-dinja u bħal diversi denominazzjonijiet oħra fil-Punent tal-Ukrajna.
Il-Knisja Ukrena kienet assoċjata mat-Tmexxija tal-Knisja Ortodossa Russa sa dakinar tal-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet ta’ Putin. Intant, xi membri tal-kleru Ukren huma akkużati b’li qegħdin jappoġġjaw xorta waħda lir-Russja minn taħt.
Il-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin, Dmytro Kuleba, qal li r-Russja kemm-il darba injorat it-talbiet tal-President Zelensky għall-paċi, bħalma kien evidenti waqt il-bumbardamenti tar-Russi fuq Kherson fl-24 ta’ Diċembru u l-attakki fuq iz-zoni ċivili fl-Ukrajna għal Lejliet l-Ewwel tas-Sena.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden ukoll jemmen li Vladimir Putin għandu skopijiet ulterjuri u li hu ‘qed jipprova jikseb ftit tan-nifs’ wara li t-truppi tiegħu sofrew sensiela ta’ telfiet diżastrużi waqt il-gwerra.
//= $special ?>

