Futbol Sport

Balzan jagħtu t-tnax-il telfa lil Santa Lucia

(Ritratt: Trevor Sollars)

BALZAN…………………3

SANTA LUCIA………..1

Balzan: R.Briffa,D.D.Torres, S.Arab (Z.Grech 86’), M.Grima, P.Fenech (L.Mallia 86’), Q.Torres (S.Jalu 87’), A.Satariano, N.Braunovic, M.Raso, A.Andrejic (A.Bradshaw 85’) B.Kaljevic (B.Mladenovic 70’).

Santa Lucia: M.Calleja Cremona, F.L.Soares, J.Zerafa (J.Carbone 58’), N.Pulis, R.Bairam (M.Vella 78’), R.Hehedosh, J.Tanti, P.D.Francarolli (L.McKay 61’) , J.Pisani, F.F.Rodrigues, M.A.Alba (L.Ayad 78’).

Skorjaw: F. Rodrigues 14′ (Sl), B. Kaljevic 20′, A. Torres 41′, 68′ (B)

BOV Plejer tal-Logħba: Angel Torres (Balzan)

Balzan kisbu t-tieni reb]a konsekuttiva fil-kampjonat meta għelbu lil Santa Lucia 3-1. Kienu s-Saints li marru minn fuq fl-14-il minuta, iżda l-iskwadra mmexxija minn Oliver Spiteri baqgħet ikkonċentrata u skorjat tliet darbiet biex komplew javvanzaw fil-klassifika.

L-ewwel azzjoni perikoluża waslet wara 11-il minuta minn Balzan meta Satariano seraq ballun lid-difiża ta’ Sta. Lucia u għadda lejn Kaljevic, iżda Calleja Cremona kien attent u laħaq laqa’ qabel il-Montenegrin.

Ftit qabel il-kwarta logħob, Santa Lucia marru fil-vantaġġ meta l-ewwel kien Robert Hehdosh li ttanta xortih bil-ballun jaħbat mal-lasta, biex mir-rebound Francisco Farias Rodrigues bir-ras għeleb lil Rudy Briffa.

Santa Lucia damu biss sitt minuti jgawdu dan il-vantaġġ hekk kif fl-20 minuta Balzan ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ gowl mill-isbaħ minn Bojan Kaljevic wara azzjoni mibdija minn Alex Satariano.

Fil-41 minuta Balzan marru fil-vantaġġ meta Kaljevic approfitta minn żball difensiv tal-avversarji u għadda lejn Angel Torres li faċilment tefa’ fix-xibka. Tmiem l-ewwel taqsima bl-iskor 2-1 favur Balzan.

L-ewwel azzjoni fit-tieni taqsima waslet minn żball ieħor difensib din id-darba tad-difensur ta’ Sta. Lucia Diego Pacheco, b’Kaljevic jieħu l-ballun iżda wara li avvanza Calleja Cremona mblokka tajjeb.

Fl-64 minuta Rudy Briffa tajjar parzjalment il-kross ta’ Jan Tanti, il-ballun jaqa’ f’saqajn Hehedosh li x-xutt tiegħu kien imdawwar f’korner bi bravura minn Briffa.

It-tielet u l-aħħar gowl ta’ Balzan wasal fit-68 minuta meta kien Satariano li għadda lejn il-plejer tal-logħba Angel Torres li għat-tieni darba fil-partita għeleb lil Calleja Cremona għal skor finali ta’ Balzan 3 Santa Lucia 1.