Futbol Sport

Faċli għal Birkirkara kontra Żebbuġ Rangers

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Rowen Camilleri

BIRKIRKARA………..5

ŻEBBUĠ R…………….0

Birkirkara: G. Nava, O. Iorio (N. Micallef 46’), E. Pepe (M. Gambin 63’) A. De Paixao (K. Tulimieri 73’), Y. Yankam, P. Mbong (D. Ribeiro 73’), K. Zammit, C. Attard, E. Cabrera (J. P. Farrugia 73’), S. Zibo, A. Coppola

Żebbuġ R: J. Azzopardi, H. Motta, S. Bugeja (W. R. Santos 70’), L. Almeida, C. L. Ngoy, E. Sanchez, R. Vella (T. Bartolo 41’), J. Macedo (J. Sciberras 70’), A. Maldonado (A. Mizzi 41’), S. Miloskovic (S. Jankovic 41’), J. Gesualdi

Imwissija: L. Almeida 17’, H. Motta 86′ (Ż)

Skorjaw: A. De Paixao 18’, E. Cabrera 22’ (pen), 25’, C. Attard 29’, P. Mbong 66’ (B)

Referee: Matthew Degabriele

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri u Vasil Vasilev

Il-Mument Plejer tal-logħba: Enzo Cabrera (Birkirkara)

BOV Plejer tal-Logħba: Alex De Paixao Alves (Birkirkara)

Rebħa faċli għal Birkirkara kontra Żebbuġ Rangers meta fit-Tony Bezzina Stadium għelbuhom bl-iskor ta’ 5-0. Fl-ewwel taqsima il-Karkariżi kienu diġa’ ssiġillaw ir-rebħa meta f’għaxar minuti skorjaw erba’ gowls biex daħlu jistrieħu 4-0. Din kienet it-tmien rebħa fil-kampjonat għal Birkirkara u d-disa’ tefla għal Żebbuġ li jibqgħu jiġġieldu fiż-żona relegazzjoni ma’ Santa Lucia u Pietà Hotspurs.

Birkirkara marru fil-vantaġġ fl-ewwel azzjoni lejn il-lasti wara 18-il minuta meta Enzo Cabrera irnexxielu jaqbeż plejer ta’ Żebbuġ mal-linja u daħal fil-kaxxa fejn għadda ballun lejn Alex De Paixao Alves li bi prattikament lasta vojta tefa’ ġewwa.

Fl-20 minuta l-istripes ingħataw penalty għal foul fil-kaxxa ta’ Gusualdi fuq Enzo Carbrera biex l-istess Cabrera mill-11-il metru ma’ żbaljax u għamel l-iskor 2-0 għal Birkirkara.

Ħames minuti wara Birkirkara għamluhom tlieta meta kien Paul Mbong li avvanza max-xellug u tefa’ kross fil-kaxxa li sab lil Enzo Cabrera li mattar siequ u tefa’ wara Azzopardi.

Birkirkara tista tgħid li għalqu l-partita fid-29 minuta fejn saħansitra skorjaw ir-raba’ gowl meta minn azzjoni personali, Cain Attard avvanza lejn in-nofs u minn tarf il-kaxxa b’konklużjoni mill-isbaħ għeleb lil Azzopardi. Wara dan l-assedju ta’ Birkirkara, fejn skorjaw erba’ gowls f’perjodu ta’ għaxar minuti, il-partitia kwietat xi ftit u l-iskor sa tmiem l-ewwel taqsima ma nbidilx.

Bl-andament fit-tieni taqsima jkun aktar kwiet, bil-Karkariżi jikkontrollaw tajjeb ir-riżultat, fis-66 minuta wasal ukoll il-ħames gowl meta minn pass ta’ De Paixao, Paul Mbong minn barra l-kaxxa għeleb għal kollox lil Jamie Azzopardi.

Fl-84 minuta is-sostitut Ribeiro għal Birkirkara tefa’ kross lejn Yankam li bir-ras niżżel lejn is-sostitut l-ieħor Kevin Tulimieri li b’mod akrobatiku prova jaħsad lil Azzopardi iżda l-ballun għadda għoli.

Din kienet l-aħħar azzjoni denja ta’ nota f’din il-partita bir-riżultat finali mat-tisfira ta’ Matthew Degabriele ikun dak ta’ 5-0 favur Birkirkara.