Futbol Sport

Floriana jegħlbu lil Sirens b’gowl minn penalty ta’ Kemar Reid

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Rowen Camilleri

FLORIANA…………..1

SIRENS………………..0

Floriana: G. Kitanov, A. M. Overend, O. El Hasni, M. Veselji (A. Ciolacu 74’), K. Reid (K. Nwoko 74’), J. Arias, C. Z. Lonardelli (O. Spiteri 66’), L. De Grazia, L. Trillo, E. Callegari, J. Busuttil (A. Garzia 79’)

Sirens: M. Grech, G. Camilleri, K. Sano, J. Walker, A. Vaikainah, A. Cini, V. Bento, I. Kolev, G. Fernandes, S. Sessegnon, S. Arab (A. Borg 76’)

Skorja: Kemar Reid 54’ pen (F)

Referee: Ishamel Barbara

Assistenti Referees: Duncan Spencer u Paul Apap

BOV Plejer tal-logħba: Mattia Veslji (Floriana)

Il-Mument Plejer tal-logħba: Adam Magri Overend (Floriana)

Floriana bdew is-sena l-ġdida kif spiċċaw l-2022, meta fl-ewwel logħba fit-Tony Bezzina Stadium għelbu lil Sirens 1-0 b’gowl li wasal minn penalty fl-54 minuta. Din kienet rebħa meritata għall-Greens fejn kieku mhux għax fallew ħafna ċansijiet partikolarment fl-ewwel taqsima, l-iskor kien ikun akbar.

L-ewwel periklu wasal minn Sirens wara ħames minuti meta Kolev sab ruħu f’qagħda ideali iżda x-xutt fil-baxx tiegħu kien milqugħ bis-seiq minn Kitanov qabel mad-difiża tajret il-periklu. Fit-12-il minuta Mattia Veselji għal Floriana prova xutt fil-baxx li kien milqugħ minn Grech.

Mal-kwarta logħob kross insidjuż ta’ Busuttil kien imtajjar f’korner fil-ħin qabel ma ttkompla għal ġewwa minn Veselji.

Fis-17-il minuta Floriana protestaw bil-qawwa għal penalty meta Jan Busuttil deher jitwaqqa’ fil-kaxxa iżda Ishmael Barbara ħalla l-logħob għaddej. Mal-21 minuta logħob Floriana reġgħu protestaw għal penalty meta Kemar Reid irnexxielu jidħol fil-kaxxa u twaqqa minn difensur iżda għal darb’oħra Barbara ma ra xejn irregolari.

Floriana baqgħu jippressaw u fit-23 minuta El Hasni bir-ras impenja lil Grech li wettaq save mill-isbaħ qabel mad-difiża tajjret f’korner.

Floriana tilfu ċans ieħor tad-deheb meta fis-27minuta minn azzjoni mibdija minn Jan Busuttil li għadda lejn Mattia Veselji, dan tal-aħħar avvanza fil-kaxxa iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet għoli.

Minkejja d-dominju minn Floriana sa tmiem l-ewwel taqsima l-iskor baqa’ ma nfetaħx biex iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu fi draw ta’ mingħajr gowls.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota fit-tieni taqsima waslet mit-tim minn San Pawl il-Baħar fejn l-ewwel kellna kross minn Cini li kien imtajjar minn El Hasni, bil-ballun jasal għand Sano li x-xutt tiegħu għadda ftit barra.

Fit-53 minuta Floriana ingħataw penalty għal foul fil-kaxxa ta’ Jacob Walker fuq Mattia Veselji, biex mill-11-il metru kien Kemar Reid li tefa’ lil Floriana fil-vantaġġ.

Floriana baqgħu ifittxu t-tieni gowl u fit-63 minuta xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Mattia Veselji għadda mħakkek mal-mimduda.

Sirens tilfu opportunità tajba li jġibu d-draw fis-66 minuta meta minn kross ta’ Bento, Vaikainah sab ruħu xxamplat quddiem Kitanov iżda żbalja kompletament ix-xutt tiegħu u tefa’ barra.

Fil-71 minuta Veselji qabeż difensur fil-kaxxa u prova xutt bix-xellug iżda sab lil Grech attent li laqa’ bis-sieq , bid-difiża ttajjar ‘il fuq u tbiegħed il-periklu.

L-isforzi tat-tim immexxi minn Winston Muscat kienu kollha għal xejn hekk kif wara ħames minuti ta’ ħin mogħti żejjed, Ishmael Barbara saffar tmiem il-partita u tliet punti għal Floriana.

Taqtiegħa għal ballun bejn Alexander Cini (Sirens) u Lorenzo Trillo (Floriana) (Ritratt: Josef Fitzpatrick)