Sheffield Wednesday, fit-tieni post ta’ League One u li għandhom ukoll storja glorjuża fl-FA Cup, wettqu l-akbar sorpriża tal-istaġun b’rebħa, 2-1, fuq Newcastle United li jinsabu t-tielet fil-Premier League Ingliż u li kienu ilhom 15-il logħba mingħjar telfa fil-kompetizzjonijiet kollha.
Intant, it-Tielet Rawnd ta’ din l-aktar kompetizzjoni knockout prestiġjuża fid-dinja irriservat aktar riżultati sorprendenti jew ‘upsets’ (kif iħobbu jgħidu l-Ingliżi) — bi Blackpool u Burnley, żewġ tims minn The Championship, jeliminaw lil Nottingham Forest u Bournemouth, rispettivament; it-tnejn bi skors kbar.
Il-konfront f’Hillsborough irriserva l-aktar mumenti drammatiċi fit-tieni taqsima u wara li Newcastle kienu dehru superjuri fl-ewwel 45 minuti. Madankollu, il-folla fl-istadium kienet qed tapplawdi l-gowl tal-ftuh tmien minuti wara l-mistrieħ u li kien skurjat mill-attakkant tal-Owls, Josh Windass, fuq is-suġġeriment ta’ Dennis Adeniran.
Newcastle imbagħad marru qrib id-dro minn Elliot Anderson iżda l-Geordies, wara, sabu ruħhom tnejn minn taħt meta Windass – il-plejer tal-logħba – irċieva mingħand Michael Smith u b’kalma kbira għeleb lil Martin Dubravka (65) għat-tieni darba,
Newcastle naqqsu l-vantaġġ meta, minn korner ta’ Kieran Trippier, Chris Wood ittanta xortih fuq il-lasta, bil-gowkiper Dawson isalva u bil-ballun jaqa’ f’saqajn Bruno Guimaraes (70) li kkonkluda mill-viċin u minn pożizzjoni xi ftit dubbjuża.
U għalkemm Newcastle għalqu l-logħba fuq l-attakk, kienu Wednesday li marru qrib it-tielet gowl meta l-freekick bomba ta’ Windass stampat mal-mimduda b’Dubravka megħlub għal kollox.
Sadanittant, fi Bloomfield Road, Blackpool, li qed ikollhom staġun pjuttost ħażin, fetħu l-iskor kontra Forest minn Marvin Ekpiteta (17) – bit-tim tal-Premier League iħoss sew in-nuqqas tal-plejers regolari li l-manager Steve Cooper għażel li jserraħ għall-impeni tal-kampjonat.
Intant, Forest ħlew diversi okkażjoni denji quddiem il-gowlkiper ta’ Blackpool Maxwell u ta dan pattew qares, bit-Tangerines, fit-tieni taqsima, ikomplu jkabbru l-iskor minn Ian Poveda-Ocampo (64), CJ Hamilton (71) u Jerry Yates (87), u b’Forest jiskurjaw gowl tal-bandiera minn Ryan Yates fil-ħin miżjud.
Sadanittant, Notts Forest nhar l-Erbgħa se jilgħabu f’darhom kontra Wolves fil-kwarti-finali tal-Carabao Cup u qegħdin jittamaw li jikkwalifikaw għall-ewwel semi-finali ta’ kompetizzjoni lokali mill-1992.
Sorpriża kbira oħra seħħet fil-Vitality Stadium fejn Anass Zaroury u Manuel Benson skurjaw żewġ gowls kull wieħed fir-rebħa ta’ Burnley, il-liders ta’ The Championship, fuq Bournemouth.
Iċ-Cherries issa tilfu disa’ mill-aħħar ħdax il-logħba waqt li Burnley, b’kuntrast, għandhom vantaġġ ta’ ħames punti fuq it-tim tat-tieni post (Sheffield United) f’The Championship. Intant, din ir-rebħa impressjonanti kienet anki t-12-il waħda għall-Clarets f’14-il-logħba.
Burnley fetħu l-iskor minn Benson (6), b’Ryan Christie jikseb id-dro sitt minuti wara u b’Zaroury jiskorja żewġ gowls oħra għall-Clarets (39,43) qabel il-mistrieħ. Kmieni fit-tieni taqsima u Dominic Solanke naqqas il-marġni għal Bournemouth ħames minuti wara, iżda l-gowl li deċieda l-logħba kien mill-ġdid skurjat minn Benson (57), biċ-Cherries, wara, ifallu sensiela ta’ tentattivi biex jerġgħu jidħlu fil-logħba.
Southampton pattew xi ftit għall-istaġun miżerabbli b’rebħa, 2-1, kontra Crystal Palace f’dan l-‘All Premiership Clash’ li ntlagħab kmieni wara nofsinar f’Selhurst Park.
Is-Saints, li jinsabu l-aħħar fil-Premier League Ingliż, sabu ruħhom minn taħt wara li Odsonne Edouard għeleb lil Bazunu wara kwarta – iżda James Ward-Prowse kiseb id-dro bi freekick qabel il-mistrieħ. Fit-tieni taqsima, Adam Armstrong (68) approfitta mill-iżball banali tal-gowlkiper Vicente Guaita biex jikseb il-vantaġġ għat-tim tiegħu…Vantaġġ li baqa’ intatt u li jaċċerta lis-Saints minn kwalifikazzjoni għar-Raba’ Rawnd ta’ din il-kompetizzjoni.
L-attakkant internazzjonali Ingliż ta’ Tottenham Hotspur, Harry Kane, jinsab gowl biss ‘il bogħod milli jilħaq ir-rekord tal-mibki Jimmy Greaves bħala l-aqwa skorer ta’ kull żmien għal Spurs – b’dan il-plejer jiskorja l-uniku gowl tal- konfront ma’ Portsmouth ( ta’ League One) f’The New White Hart Lane.
Il-gowl wasal fl-ewwel taqsima u wara li Emerson Royal ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tistampa mal-lasta –b’Kane u Ryan Sessegnon ikunu involuti f’azzjoni fluwida lil rat lil tal-ewwel idawwar ballun perfett fir-rokna tax-xibka. Kane issa skorja 265 gowl għal Spurs – bil-gowl ma’ Pompey ikun biżżejjed għall-kwalifikazzjoni, anki jekk Oliver Skipp kellu jfalli okkażjoni tajba biex iżid l-iskor fl-ewwel taqsima.
Fulham kisbu rebħa faċli, 2-0, fuq Hull City minkejja li l-manager, Marco Silva, niżel għal dan il-konfront b’xejn anqas minn seba’ plejers regolari neqsin. Id-difensur Layvin Kurzawa xeħet f’xibka vojta wara 37 minuta, b’Dan James (94) jaċċerta mill-kwalifikazzjoni bl-aħħar xhut tal-logħba wara li spiċċa waħdu quddiem il-gowlkiper Matt Ingram.
Brighton and Hove Albion temmew ħesrem is-sensiela ta’ riżultati pożittivi ta’ Middlesbrough – tim ieħor minn The Championship — u bħalma jindika l-iskor finali ta’ 1-5.
L-ewwel gowl tas-Seagulls f’dan il-konfront wasal minn Pascal Gross (8) iżda ħames minuti wara, ‘Boro għamluhom 1-1 b’header ta’ Chuba Akpom. Adam Lallana reġa’ poġġa lil Brighton fil-vantaġġ (28) u fit-tieni taqsima, il-midfielder Arġentin, Alexis MacAllister ( li daħal bħala sostitut) skorja żewġ gowls oħra (58 u 80) biex ma ħalla l-ebda dubju dwar ir-riżultat. Kien hemm anki ħin għal gowl ieħor – skurjat minn Deniz Undav (89) – u li temm għal kollox it-tamiet ta’ ‘Boro li jirrepetu r-riżultati impressjonanti tal-istaġun li għadda f’din il-kompetizzjoni.
Leicester City għaddew għar-rawnd li jmiss grazzi għal gowl uniku kontra Gillingham fil-Priestfield Stadium. Gillingham, li jinsabu fl-aħħar post ta’ League Two, ippruvaw jagħmlu l-ħajja diffiċli għall-Foxes iżda fit-tieni taqsima, kellu jkun Kelechi Iheanacho (56) li żblokka r-riżultat b’xutt b’saħħtu għar-rokna fuq il-kross ta’ Kasey McAteer u għall-1-0 finali. Intant, Leicester, nhar it-Tlieta, huma impenjati ma’ Newcastle United fil-kwarti-finali tal-Carabao Cup li se tintlagħab f’St James Park.
West Ham United għaddew għar-raba’ rawnd tal-FA Cup għall-ispejjeż ta’ Brentford u għal rebħa (1-0) li tnaqqas ftit mill-pressjoni fuq il-manager tal-Hammers, David Moyes. Il-konfront bejn dawn ir-rivali tal-Premier League kienet pjuttost nieqsa mill-azzjonijiet iżda fit-tieni taqsima, Declan Rice rebaħ il-ballun f’nofs il-grawnd u mill-istess azzjoni Said Benrahma (79) sab ix-xibka b’xutt minn barra l-kaxxa u li qabad lill-gowlkiper Strakosha fuq sieq waħda.
Intant fl-aħħar partita tal-ġurnata Liverpool u Wolves spiċċaw fi draw ta’ 2-2 u għalhekk trid tintlagħab replay biex ikun determinat min jagħmilha għar-raba rawnd. Goncalo Guedes poġġa lil Wolves fil-vantaġġ fis-26 minuta biex ftit qabel il-mistrieħ Darwin Nunez ġab id-draw għal Liverpool. Mohamed Salah poġġa lil Liverpool minn fuq fit-52 minuta iżda gowl fis-66 minuta mill-Korean Hee-Chan Hwang ġab id-draw u sforza replay għal Wolves.
//= $special ?>