Il-Gvern għadu qed iżomm kollox mistur rigward l-emenda li qal li se jagħmel dwar id-dħul tal-abort f’pajjiżna.
Dan hu dak li qal il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar waqt il-programm Net Live hekk kif kien intervistat dwar il-ħidma tal-Parlament li se tissokta nhar it-Tnejn li ġej wara l-waqfa għall-btajjel tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
Tul il-programm, ippreżentat minn Robert Cremona, il-Whip tal-Grupp Parlamentari saqsa għaliex tkellem id-Deputat Mexxej Chris Fearne, meta din l-emenda fil-kodiċi kriminali li se tkun qed tippermetti d-dhul tal-abort f’pajjiżna taqa’ taħt il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa waranofsinhar, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne – li flimkien ma’ Robert Abela qed jimbotta bi sħiħ din il-liġi tal-abort f’pajjiżna – qal li l-Gvern mhux se jaghti kas lil min, skont hu, qed jagħmel spin politiku dwar l-abort.
Fost dawk li ħarġu kontra din l-emenda kien il-President ta’ Malta, George Vella, li huwa tabib u li dejjem kien sod fil-pożizzjoni tiegħu kontra l-abort. Mal-450 tabib, 44 għaqda, aktar minn 80 espert u akkademiku kif ukoll il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca kienu voċiferi ħafna kontra l-emenda tal-abort li jrid idaħħal il-Gvern ta’ Robert Abela. Dan apparti diversi esponenti tal-Labour, fosthom l-eks Deputat Mexxej tal-PL Joe Brincat.
//= $special ?>