Lokali Qorti

Jeħel €1,000 wara li qabad jidgħi fl-awla tal-Qorti

Jeremy Borg ta’ 21 sena minn Ħal Qormi ġie mmultat €1,000 mill-Maġistrat Leonard Carauna wara li hu u ħiereġ mill-awla tal-Qorti beda jidgħi. Dan wara li l-Qorti kienet għadha kemm ordnat li huwa jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li kiser kundizzjonijiet mogħtija mill-Qorti fuq każijiet oħra.

Borg jinsab għaddej kumpilazzjoni ma’ ħames persuni oħra fuq każ ta’ ħtif ta’ raġel li allegatament seħħ fir-Rabat is-sena l-oħra. F’dan l-aħħar każ dwar ksur ta’ kundizzjonijiet, id-difiża kkontestat l-arrest ta’ Borg, għax qalet meta ġie arrestat ma ngħatax id-drittijiet tiegħu. Huwa ġie mixli li kiser ordnijiet mill-Qorti meta kien ingħata l-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ akkużi oħra.

Dwar l-argument tad-difiża li dam arrestat, il-Prosekuzzjoni qalet li ma kinux għaddew 48 siegħa u li l-investigazzjoni ma kinitx lesta. Ingħad ukoll l f’dawn l-aħħar sigħat kemm-il darba kellu jittieħed l-isptar. Ingħad ukoll li nhar il-Ħamis, fil-11pm, waqt ronda, l-Pulizija waqfet karozza fi Triq Dun Karm, Birkirkara, li fiha kien hemm erba’ persuni, bix-xufier bla liċenzja tas-sewqan, b’wieħed minnhom ikun l-akkużat.

L-Ispettur Lydon Zammit li mexxa l-Prosekuzzjoni qal li fil-karozza mal-imputat, kien hemm persuna, bl-isem ta’ Sean Grech, li wkoll kien qiegħed barra fl-10:50pm, ħin li suppost, iż-żewġ persuni kienu qiegħdin f’darhom. L-Ispettur Zammit stqarr li meta l-Pulizija tkellmet maż-żewġ persuni, u meta ġew mistoqsija r-raġuni għala dawn kienu qed jiksru l-kundizzjonijiet tal-Qorti, dawn taw żewġ verżjonijiet differenti.

Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li l-akkużat suppost kien ilu mis-7pm id-dar. Id-difiża argumentat li filgħodu marru jixtru u nsew iċ-ċavetta warajhom u ndunaw filgħaxija li ma kellhomx biex jidħlu ġewwa. Hawn saret talba għall-pleġġ, li ġiet oġġezzjonata bil-qawwa kollha mill-Prosekuzzjoni minħabba li kien diġà ngħata l-ħelsien mill-arrest u għalhekk m’huwiex affidabbli.

Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest u hekk kif Borg kien ħiereġ mill-awla biex jiġi eskortat lejn il-ħabs, nqalgħet kommossjoni. Borg beda jidgħi bil-Madonna u ġie ordnat jidħol lura. Il-Qorti sabitu ħati ta’ disprezz lejn l-awtorità tagħha u mmultatu €1,000.

Wieħed mill-irġiel li allegatament kien fil-karozza ma’ Jeremy Borg, kien Sean Grech li kien akkużat ukoll li kien qed isuq karozza mingħajr liċenzja tas-sewqan. Id-difiża ma talbitx il-ħelsien mill-arrest u għalhekk Grech inżamm arrestat.