Raġel li allegatament ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu f’okkażjonijiet ripetuti minkejja ordni tal-Qorti li pprojbitu milli javviċinaha s-Sibt wieġeb mhux ħati ta’ akkużi kriminali kontrih. Ir-raġel residenti ta’ Marsascala li għandu 40 sena reġa’ spiċċa fl-inkwiet wara li l-eks sieħba tiegħu ressqet rapport mat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika tal-Pulizija, fejn sostniet li kienet qed tiġi ffastidjata mill-eks tagħha.
L-akkużat kien għadda minn ħdejn id-dar tagħha fil-Fgura u saħansitra mar fuq il-post tax-xogħol tagħha fl-Isptar Mater Dei, hija qalet. Hija semmiet ħames okkażjonijiet differenti meta kien ipprova javviċinaha, inkluż fl-Ewwel tas-Sena meta l-akkużat ipprova jkellimha.
Filwaqt li aġixxiet fuq dak ir-rapport, il-Pulizija arrestat lis-suspettat u akkużatu li ta fastidju lill-ek tiegħu, li kiser ordni ta’ trażżin maħruġa favur tagħha minn Qorti tal-Maġistrati f’Settembru. Huwa kien mixli wkoll li kiser Ordni ta’ Probation u li sar reċediv.
Ir-raġel, li ismu qed jinżamm biex tiġi protetta l-identità tal-allegata vittma tiegħu, talab il-ħelsien mill-arrest meta tressaq il-Qorti. Il-prosekuturi oġġezzjonaw għal dik it-talba, filwaqt li nnutaw li xhieda ċivili għad iridu jixhdu u li l-akkużat ma joffrix garanzija suffiċjenti li se jirrispetta l-kundizzjonijiet tal-Qorti jekk jingħata l-libertà proviżorja.
Waħda mill-akkużi kienet tikkonċerna l-allegat ksur tal-ordni ta’ trażżin, irrimarkat il-prosekuzzjoni. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet miż-żewġ partijiet il-qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Elaine Mercieca, ċaħdet it-talba u żammet lill-akkużat taħt arrest preventiv. L-Ispettur Omar Zammit mexxa l-Prosekuzzjoni. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri kienu l-avukati difensuri.
//= $special ?>