Futbol Sport

Juventus jitilgħu fit-tieni post b’rebħa fuq Udinese… Monza jsalvaw draw fl-aħħar minuti kontra Inter

(Ritratt: EPA)

Matul il-jum tas-Sibt irritorna l-futbol Taljan wara l-programm ta’ partiti ta’ fost il-ġimgħa. Fl-Allianz Stadium Juventus telgħu fit-tieni post tal-klassifika b’rebħa minima ta’ 1-0 kontra Udinese. Huma kellhom jistennew sas-86 minuta għall-gowl tar-rebħa meta Federico Chiesa żmarka lil Danilo fil-kaxxa bil-Brażiljan jixħet fix-xibka mill-viċin għal 1-0.

F’partita oħra fi Stadio Artemio Franchi Fiorentina kisbu rebħa ta’ 2-1 fuq Sassuolo. Huma fetħu l-iskor permezz ta’ Riccardo Saponara fit-48 minuta qabel Domenico Berardi kiseb il-gowl tad-draw għal Sassuolo għaxar minuti wara, mill-ħdax-il metru. Biex fil-91 minuta Fiorentina ingħataw penalty fejn mill-ħdax-il metru kien Nicolas Gonzalez li ma żbaljax għal 2-1.

Inter kienu miżmuma fi draw ta’ 2-2 barra minn darhom kontra Monza, bil-gowl tad-draw jasal fl-aħħar sekondi tal-partita. Huma fetħu l-iskor fl-10 minuta meta Alessandro Bastoni għadda tajjeb lejn Mateo Darmian, b’dan tal-aħħar jikkonkludi fix-xibka. Minuta wara Monza kisbu d-draw meta minn pass ta’ Messina kien Patrick Ciurria li xeħet fix-xibka għal 1-1. Madanakollu, l-gowl li kellu jagħti r-rebħa lill-Inter wasal fit-22 minuta meta kien ir-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja Lautaro Martinez li kkonkluda fix-xibka għal 2-1. Hekk kif kollox deher li Inter se jirbħu l-partita Monza kisbu d-draw meta kien Luca Caldirola li tefa’ fix-xibka għal 2-2.