Lokali

Kumpanija tal-gaming titlaq minn pajjiżna u tħalli 130 ħaddiem lampa stampa

Sajjetta fil-bnazzi qabel il-jiem tal-festi. Hekk ġiet deskritta s-sitwazzjoni preżenti għal 130 ħaddiem li jumejn qabel il-Milied tkeċċew mill-kumpanija Genesis Global Ltd, li għalqet il-bibien tal-uffiċini tagħha f’pajjiżna.

Din il-kumpanija tal-gaming kienet tagħmel parti mill-kumpanija Mayden Group u għadha sal-lum ma ħalsitx lill-ħaddiema l-aħħar pagamenti li kienu dovuti, b’uħud mill-ħaddiema jispiċċaw b’ta’ fuqhom senduqhom.

Eks ħaddiema li tkellmu ma’ Net News qalu li għalkemm saru għadd ta’ tentattivi biex huma jitħallsu dak li hu dovut lilhom, sa issa ma kellhom l-ebda risposta.

Ma’ dan l-istazzjon, huma spjegaw illi kollha għandhom l-ispejjeż tagħhom, b’ħafna jew bil-loans fuq id-djar jew fuq il-karozza, pagamanti li jridu jsiru ta’ kull xahar, iżda sa issa baqa’ ħadd ma tahom assigurazzjoni li tal-anqas se jkunu qed jitħallsu tas-sigħat li huma ħadmu qabel ġew imkeċċija.

Sorsi tagħna qalu li l-maġġoranza tal-ħaddiema li tkeċċew qed jagħmlu talba mad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol biex jitħallsu l-pagi dovuti.

Sorsi mis-settur tal-gaming qalu li l-kumpanija qisha tħalliet titmexxa bħal vapur bla kaptan fejn rapporti internazzjonali qalu li s-sit fuq id-domain Spanjola għadu jiffunzjona, bil-problemi għal Genesis Global ikomplu jippersistu hekk kif is-sit qed jibqa’ għaddej mingħajr appoġġ biex wieħed ikun jista’ jieħu flusu lura.

Intant il-ġimgħa li għaddiet, l-impjegati ta’ Genesis fil-Polonja ġew infurmati wkoll li l-uffiċċji tagħhom kienu se jagħlqu b’ammont sostanzjali ta’ ħaddiema ġew imkeċċija wkoll u għadhom ma tħallsux.