Għawdex Lokali Transport

“L-istudenti Għawdxin iddiżappuntati bit-trasport pubbliku” – Survey maħruġ mill-GUG

“Għandna bżonn sistema effiċjenti ta’ trasport pubbliku għaliex Għawdex se tispiċċa b’popolazzjoni ta’ nies ‘il fuq minn 60 sena.”

Dan kien wieħed mill-kummenti f’survey maħruġ mill-organizzazzjoni studenteska GUG li analizzat l-effiċjenza tal-vjaġġ bejn Malta u Għawdex.

F’dan is-survey spikka l-appell ta’ diversi studenti li saħqu li s-sistema tat-trasport pubbliku mhijiex effiċjenti filwaqt li hemm bżonn ta’ aktar frekwenza f’diversi rotot. Dan għaliex il-vjaġġ bejn Malta u Għawdex jista’ jieħu saħansitra 3 sigħat.

Il-maġġoranza tal-parteċipanti – 54% – qalu li jivvjaġġaw bil-Fast Ferry iżda ilmentaw li dan is-servizz għandu jkun wieħed aktar frekwenti għaliex bħalissa dan is-servizz huwa ineffiċjenti speċjalment wara l-ħin tax-xogħol.

Barra minn hekk, huma ilmentaw fuq il-fatt li r-rotta X1A li tintuża minn diversi Għawdxin għandha wisq waqfien u minħabba f’hekk il-vjaġġ tagħhom ikun ferm itwal. Minn naħa l-oħra, il-parteċipanti sostnew li jekk il-vapur ikun tard jeħtieġ li tallinja tistenna għaliex meta din taqbad u titlaq huma jispiċċaw jaslu tard għal-lezzjonijiet.

Intant, il-GUG tinsab imħassba ferm rigward is-sitwazzjoni preżenti u qalet li diġa’ kellhom diversi lagħat mal-awtoritajiet sabiex itejbu s-sitwazzjoni. Il-GUG saħqet li jekk it-trasport pubbliku ikun aktar effiċjenti aktar studenti se jagħmlu użu minnu u għalhekk dan kollu jispiċċa jwassal għal ambjent aktar sostennibbli.

Barra minn hekk, din l-organizzazzjoni żvelat li l-awtoritajet diġà kienu wegħduhom li se jirranġaw il-ħinijiet tal-fast ferry sabiex jakkomodaw l-istudenti kif ukoll il-ħaddiema Għawdxin.