Lokali

Malti jissogra ħajtu fl-eqqel tal-gwerra fl-Ukrajna biex jagħti l-għajnuna tiegħu

Marc Edward Pace Portanier qed jagħżel li jżur l-Ukrajna kull ftit ġimgħat biex jagħti l-għajnuna tiegħu hekk kif grupp ta’ persuni qed iwasslu l-affarijiet l-iktar bażiċi li jum wara l-ieħor qed isiru iktar skarsi.

Bħalissa, dan il-grupp qed jivjaġġa minn Kharkiv lejn Bakhmut biex iwasslu dawn ir-riżorsi, b’Marc Edward jgħid ma’ Net News li l-esperjenza mhix waħda faċli hekk kif kull mument li jagħmel fl-Ukrajna għandu biża’ ta’ x’jista’ jiġri. Fil-fatt, fuq moħħu ħin kollu għaddej il-ħsieb li jekk jiġri xi ħaġa għandu jfittex refuġju ‘l bogħod mill-periklu.

Madanakollu, minkejja dan kollu, fl-istess waqt hu jirnexxilu jinsa kollox u jkun investit li jgħin lil dawk il-persuni li sfaw vittma ta’ din il-gwerra.

F’filmati li qasam magħna, Marc Edward esprima magħna kif baqa’ impressjonat kif Bakhmut spiċċat meqruda kompletament mill-attakki li seħħew fl-aħħar xhur. Dan filwaqt li nnotaw kif mal-50 persuna spiċċaw jgħixu f’garaxx ta’ żewġ persuni hekk kif djarhom inqerdu kompletament.

Hekk kif huma kienu jinsabu kważi mal-fruntiera, 300 metru biss ‘il bogħod, huma setgħu jisimgħu pjuttost viċin tagħhom l-isparar tal-għadu.