“Ejjew nuru mħabba lejn pajjiżna billi nkomplu naħdmu għall-Partit Nazzjonalista għaliex pajjiżna jeħtieġ partit b’saħħtu li joħodna ‘l quddiem.”
Kien dan l-appell li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech meta l-Ġimgħa filgħaxija indirizza lill-attivisti li ngabru ghal reċiviment li sar fid-Dar Centrali – okkazzjoni ta’ ringrazjament għall-attivisti kollha li tul is-sena kollha jagħmlu xogħol ma jaqta’ xejn b’risq il-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech appella lill-attivisti biex ikunu strument ta’ ġid sabiex il-ħidma tal-Partit u tal-amministrazzjoni qatt ma tbatti.
Preżenti kien hemm ukoll il-Viċi Kap tal-PN, Alex Perici Calascione fejn minn naħa tiegħu appella għall-għaqda fost il-membri kollha tal-Partit sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jgħaraf kemm verament hu b’saħħtu l-Partit Nazzjonalista.
Kien hawnhekk fejn appella biex kull persuna tagħmel riżoluzzjoni li tul is-sena taħdem biex tħalli marka fil-mixja tal-Partit li pajjiżna jistħoqlu.
F’messagg mis-Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino fakkar kif daqs sena oħra se nkunu għaddejjin b’ħidma ma taqta’ xejn hekk kif ftit tax-xhur wara nkunu qed nippreparaw għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew. Kien għalhekk li Michael Piccinino appella biex ix-xogħol tal-attivisti ma jaqta’ xejn.
Tul ir-reċiviment, Bernard Grech flimkien ma’ martu AnneMarie Grech tkelmu man-nies preżenti fejn irringrazzjahom tax-xogħol kontinwu tagħhom filwaqt li semgħu x’kellhom xi jgħidu l-attivisti infushom – b’ħafna mill-persuni preżenti faħħru l-ħidma li għaddejja bħalissa mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, mhux biss fil-Parlament iżda anke fid-distretti.
Intant, illejla, il-Kap tal-PN, Bernard Grech mistenni jattendi riċeviment simili għall-attivisti Għawdxin fis-Sub Quarters tal-Partit, f’Ta’ Sannat.