Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa wara li agredixxa żewġ Pulizija

Raġel ta’ 49 sena, residenti San Pawl il-Baħar ġie kkundannat sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn u ġie mmultat €2,000 wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana li f’jum ir-Repubblika li għadda aggredixxa żewġ uffiċjali tal-Pulizija fil-Gżira.

Charles Paul Mifsud tressaq mill-Ispettur Shamus Woods li qal li l-każ seħħ fi Triq Testaferrata fit-13 ta’ Diċembru li għadda. Waqt li żewġ uffiċjali tal-Pulizija, Spettur u Kuntistabbli, kienu għaddejjin mit-triq, twaqqfu minn Mifsud, li x0xhud qal “kellu riħa qawwija ta’ xorb.” Tenna huwa waqqaf liż-żewġ Pulizija biex jgħidilhom li kien ġie ffastidjat minn xi ħadd.

Ftit talħin wara huwa sar aggressiv mal-Pulizija u mal-ħaddiema tal-ambulanza li waslu fuq il-post, tant li kellu jiġi sedat. Mifsud ammetta wkoll li dakinhar għamel ħsara fuq il-bumper ta’ wara tal-karozza distrettwali ta’ Tas-Sliema, li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u storbju, li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u li kien xurban fil-pubbliku.

Huwa qal li lill-Qorti li kien iddispjaċih għal dak li għamel. Il-Qorti qaltlu li “l-Pulizija jkunu hemm biex jgħinuk,” hawn huwa dlonk qabad jibki fejn deher ukoll jimsaħ id-dmugħ. L-avukat Mario Caruana, li deher għal Mifsud, qal li l-klijent tuegħu skuża ruħu għal kif ġab ruħu u qal li se jsegwi programm ta’ tmien xhur biex jindirizza l-vizzju li għandu.

Il-Maġistrat Caruana ordna lill-akkużat ukoll biex iħallas €150 lill-Pulizija għall-ħsarat li għamillhom fil-bumper. Huwa tqiegħed taħt ordni ta’ trattament għal tmien xhur minħabba l-vizzju tax-xorb.