Futbol Sport

Serie A: Milan kontra Roma fl-iktar logħba mistennija mis-17-il ġurnata

(Ritratt: EPA)

Il-leaders Napoli jfittxu li jiritornaw għar-rebħ kontra Sampdoria

Il-kampjonat Taljan tas-Serie A jirritorna llum wara l-programm sħiħ ta’ logħob li kellna fost il-ġimgħa. Dan il-programm kien karatterizzat mill-konfront bejn Inter u Napoli f’San Siro, konfront li fih Napoli sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun.

Dan ir-riżultat nistgħu ngħidu li fetaħ mill-ġdid it-tellieqa għall-kampjonat anki jekk Napoli għad għandhom vantaġġ tajjeb fuq l-eqreb rivali, iżda meta wieħed iqis li għadu lanqas biss intemm l-ewwel rawnd, allura tista’ tgħid li issa t-tellieqa hi miftuħa l-iktar bejn erba’ timijiet.

Napoli issa jgawdu vantaġġ ta’ ħames punti fuq iċ-champions Milan, sebgħa fuq Juventus u tmienja fuq Inter. Għalhekk minn issa ‘l quddiem nistgħu ngħidu li bdiet fażi oħra tal-kampjonat.

Wieħed irid jara x’se tkun ir-reazzjoni tal-leaders wara li sofrew l-ewwel telfa kontra Inter, logħba li fiha it-tim ta’ Simone Inzaghi kien jimmeritah is-suċċess. Għal Napoli għada logħba oħra li tista’ tkun problematika, logħba kontra Sampdoria f’Genova.

Fuq il-karta Napoli jibdew favoriti kontra tim li jinsab jissielet kontra r-relegation, fejn Sampdoria jinsabu t-tielet mill-aħħar. L-istaġun ta’ Sampdoria kien wieħed diżastruż s’issa, iżda nhar l-erbgħa Sampdoria kisbu rebħa kontra Sassuolo rebħa li biha fetħu xi ftit l-aspirazzjonijiet tagħhom li jsalvaw.

Kontra Napoli se jinżlu b’moral għoli wara dan is-suċċess, filwaqt li kif għidna wieħed irid jara x’se tkun ir-reazzjoni tat-tim ta’ Spalletti li jrid mill-ewwel iqum mill-ġdid fuq saqajh u jakkwista t-tliet punti.

L-insegwituri diretti tagħhom Milan ikunu f’San Siro għada fl-iktar logħba mistennija f’dan il-programm meta jaffrontaw lil Roma, bit-tim ta’ Mourinho li jinsab fis-sitt post sitt punti biss taħt ir-Rossoneri.

Iż-żewġ timijiet ġejjin minn rebħa fost il-ġimgħa, Milan barra minn darhom kontra Salernitana, u Roma fl-Olimpico kontra Bologna. Milan kienu mpressjonanti kontra Salernitana u setgħu kisbu rebħa kbira, iżda fallew ħafna u spiċċaw biex kisbu rebħa mqanżħa ta’ 2-1. Anki Roma kellhom il-problemi tagħhom kontra Bologna u kisbu l-punti biss grazzi għal penalty skorjat minn Pellegrini kmieni fil-logħba.

Il-logħba bejn Milan u Roma hi miftuħa għal kull riżultat anki jekk Milan jibdew xi ftit favoriti.

Fil-logħbiet l-oħra Juventus u Inter m’għandhomx ifallu biex ikomplu joħolqu pressjoni fuq Napoli u Milan. Juventus wara r-rebħa fl-aħħar sekondi kontra Cremonese, jospitaw lil Udinese, tim li beda tajjeb ħafna l-kampjonat, iżda tim li fl-aħħar ħarġiet naqqas sew ir-rendiment tiegħu.

Inter imorru għand Monza, vjaġġ qasir għal Inter f’din il-belt qrib ta’ Milan. Monza fl-ewwel esperjenza tagħhom fis-Serie A qed ikollhom staġun sodisfaċenti wara bidu inċert, anki jekk it-tim tal-President Silvio Berlusconi jibqa’ jżomm bħala objettiv li jżommu posthom fis-serie A.

Lazio wara l-ħasda kontra Lecce, jospitaw lil Empoli, filwaqt li nteressanti għandu wkoll ikun il-konfront tat-Tnejn bejn Bologna u Atalanta. It-Tnejn ukoll fi Stadio Bentegodi jiltaqgħu, Verona u Cremonese, iż-żewġ timijiet li jinsabu fl-aħħar żewġ postijiet tal-klassifika, fejn Verona kisbu rebħa waħda biss u Cremonese għadhom ifittxu l-ewwel rebħa tagħhom.

Programm sħiħ:

Illum:

15:00 Fiorentina v Sassuolo

18:00 Juventus v Udinese

20:45 Monza v Inter

Għada:

12:30 Salernitana v Torino

15:00 Lazio v Empoli

15:00 Spezia v Lecce

18:00 Sampdoria v Napoli

20:45 Milan v Roma

It-Tnejn:

18:30 Verona v Cremonese

20:45 Bologna v Atalanta