Sikktu L-Għanja f’Qalbi, in-noti ntfew fix-xejn.
Din hija l-karba tal-kantanta żagħżugħa Enya Magri li għall-ewwel darba fil-karriera mużikali tagħha qiegħda tniedi silta oriġinali bil-Malti. Il-lirika profonda ta’ Emil Calleja Bayliss hija megħjuna mill-kompożizzjoni drammatika ta’ Mark Scicluna u magħġuna flimkien fi produzzjoni ta’ Cyprian Cassar, li issa ilu jaħdem ma’ Enya għal diversi snin.
Permezz tas-silta, Enya tindirizza lil dawk kollha li jinsabu mweġġgħa, mwarrba’, minsija mis-soċjeta’, iżda bit-tama… tama li toffri wens. In-nies li ma jixtiqux jaqtgħu qalbhom, tant li jimxu kontra l-kurrent.
F’dawn l-aħħar 12-il xahar, Enya Magri nediet xejn anqas minn tliet siltiet bl-Ingliż: Feelin’, li għamlitha mal-Aqwa Kanzunetta tas-sena 2021; Shame, li wasslet liż-żagħżugħa sal-finali tal-Malta Eurovision Song Contest u Love Me Like, li ġiet debuttata waqt l-Isle of MTV mtella’ wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija.
“Kont ilni ntella’ u nniżżel jekk għandix nippubblika kanzunetta kemmxejn differenti minn tas-soltu, u onestament minħabba li hija bil-Malti, ħassejt li għandha tirrifletti dak li jiena nħoss. Sikktu L-Għanja f’Qalbi ħdimt fuqha ftit tax-xhur ilu, iżda bqajt ntertaq jekk għandhiex nippubblika jew le. Issa ħassejt li huwa l-waqt”, tisħaq Enya Magri.
Sikktu L-Għanja F’Qalbi mhux ħa tkun l-aħħar rilaxx t’Enya Magri bil-Malti għal din is-sena hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu kienet mħabbra bħala waħda mill-parteċipanti fit-tielet edizzjoni ta’ Mużika Mużika – Festival tal-Kanzunetta Maltija. Is-silta li ħa tinterpreta, Verdett, għandha lirika ta’ Emil Calleja Bayliss, mużika u produzzjoni ta’ Cyprian Cassar filwaqt li hija kollaborazzjoni mal-mużiċist Adrian ‘ir-Russu’ Brincat.
Sikktu L-Għanja F’Qalbi hija disponibbli biex tindaqq jew tinxtara fuq il-pjattaformi ewlenin tal-mużika diġitali.
//= $special ?>