“Ejja nkunu kburin li aħna Nazzjonalisti; kburin li aħna Maltin u ejjew naħdmu b’rasna mgħollija ħalli dan il-pajjiz nagħtuh gvern li jixraqlu.”
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech meta s-Sibt filgħaxija indirizza lill-attivisti li attendew riċeviment li sar fis Sub Quarters tal-Partit Nazzjonalista, f’Ta’ Sannat.
Filwaqt li rringrazzja lill-attivisti kollha li tul is-sena jagħmlu tant xogħol b’risq il-Partit Nazzjonalista, huwa ħeġġeġ lil kulħadd biex japprezza aktar il-ħidma li tagħmel kull persuna – għaliex il-ħidma ta’ kulħadd flimkien tista’ tissarraf f’opra ta’ ġid.
Bernard Grech fisser ukoll kif l-għan ta’ grupp parlamentari magħqud hu li jkollu pożizzjonijiet b’saħħitom u li jkun vuċi waħda.
Huwa appella biex kull persuna tkompli temmen fiha nnifisha u fil-partit – biex ħadd ma jibża juri li hu parti mill-Partit Nazzjonalista.
Huwa fakkar kif l-ewwel tappa li se jkollu dalwaqt il-PN, se tkun l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew. “Kunu magħna, għinuna, ħalli dan il-partit ikun jista’ jasal għand kulħadd” temm jgħid il-Kap tal-PN.
Minn naħa tiegħu il-Viċi Kap tal-PN, Alex Perici Calascione tkellem dwar dak li huwa sejjaħlu “tentattiv ċarissimu” li jiddaħħal l-abort f’pajjiżna mill-gvern ta Robert Abela, minkejja kollox u mingħajr mandat elettorali. Huwa spjega kif il-Partit Nazzjonalista – il-Kap, l-uffiċjali u l-grupp parlamentari kollu ħa pożizzjoni ċara dwar dan. Huwa saħaq li l-pajjiż illum qed jitlob mill-PN li jkun mill-ġdid dak il-Partit li għax magħqud u sod, u għaliex kulħadd għandu l-istess determinazzjoni, jasal u jwassal.
Intant, il Ġimgħa filgħaxija il-Kap tal-PN, Bernard Grech, flimkien mal-Viċi Kap Alex Perici Calascione u s-Segretarju Ġenerali, Michael Piccinino, indirizzaw lill-attivisti li nġabru għal riċeviment simili li sar fid-Dar Ċentrali.
//= $special ?>