Lokali

BIL-FILMAT: Id-drag racer Sam Fenech imut f’inċident fi trakka

Id-drag racer Awstraljan ta’ dixxendenza Maltija, Sam Fenech li kellu 55 sena miet f’inċident xokkanti fil-Willowbank raceway fi Queensland.

L-inċident seħħ sekondi biss mill-bidu tat-tellieqa meta l-vettura tiegħu, Chevrolet Camaro, laqtet mal-ġenb tat-trakka, inqatgħet mill-art u daret diversi drabi fl-arja qabel instabtet ma’ torri li fih kien hemm crew jiġbdu filmati tat-tellieqa.

Fenech miet mal-impatt waqt li camera person li kien qed jiġbed il-filmati sofra xi ġrieħi iżda ma jinsabx fil-periklu tal-mewt.

L-ewwel rapporti jindikaw li Fenech kien għaddej b’veloċità ta’ 320 kilometru fis-siegħa meta seħħ l-impatt fatali.

F’Jannar tal-2019, Fenech kien involut f’inċident simili meta l-paraxut tal-karozza ma ħadimx fi tmiem it-tellieqa, bil-konsegwenza li l-vettura ma laħqitx waqfet u seħħ impatt. Dakinhar, il-vettura kienet tfarrket għal kollox iżda Fenech ħelisha ħafif mingħajr ġrieħi.