Futbol Internazzjonali

FA Cup fl-Ingilterra: Man City iġibu fix-xejn lil Chelsea… Leeds isalvaw dro fl-aħħar nifs

Manchester City taw wirja kbira kontra Chelsea fl-Etihad Stadium u fejn huma prattikament għalqu kull diskors dwar il-kwalifikazzjoni għar-rawnd li jmiss tal-FA Cup wara li fetħu vantaġġ ta’ tliet gowls fl-ewwel 45 minuta – bl-avversarji minn Londra ma jidhru mkien.

Is-Citizens, li ħallew lill-attakkant prolifiku Erling Haaland fuq il-bank u li anki kellhom nieqes lil Kevin de Bruyne, kellhom xorta biżżejjed kwalità fuq quddiem biex iserrħu rashom kmieni mir-riżultat, b’Chelsea ftit li xejn ikunu perikolużi tul il-logħba.

It-telfa kbira, fil-fatt, kompliet iżżid il-problemi għall-manager ta’ Chelsea, Graham Potter – speċjalment ladarba l-plejers tiegħu ċedew l-armi dritt wara t-tieni gowl tas-Citizens. Dan ukoll waqt li s-sapporters ta’ Chelsea għal ħafna ħinijiet bdew jgħajjtu għar-ritorn tal-eks manager Thomas Tuchel fit-tmun tat-tim.

L-ewwel gowl għal City wasal mill-freekick stupend ta’ Riyad Mahrez (23 ),bil-gowlkiper Kepa jispiċċa megħlub għal kollox mill-qawwa u preċiżjoni tax-xutt.

Man-nofs-siegħa, City ingħataw penalty meta Kai Havertz spiċċa jippanċja l-ballun fil-kaxxa waqt azzjoni ta’ korner – b’Julian Alvaarez jikkonverti mill-ħdax-il metru u wara li l-penalty kien ikkonfermat mill-VAR.

Il-logħba kompliet għat-telgħa għal Chelsea, bit-tielet gowl jasal fid-39 minuta minn Phil Foden wara azzjoni veloċi bejn Mahrez u Kyle Walker.

Fit-tieni taqsima, Man City ikkontrollaw kif riedu r-reazzjoni fjakka ta’ Chelsea u ħames minuti mit-tmiem huma skurjaw ir-raba’ gowl, għal darb’oħra minn penalty, u wara li Koulibaly wettaq fawl ċar fuq Foden fil-kaxxa. Inkariga ruħu għal darb’oħra  Mahrez li spara fis-saqaf tax-xibka għall-4-0 finali.

Leeds United kienu sekondi biss ‘il bogħod mill-eliminazzjoni taħt idejn Cardiff City – tim ieħor minn The Championship – iżda huma rnexxielhom isalvaw replay bi żbrixx grazzi għal gowl skurjat mis-sostitut żgħażugħ Sonny Perkins li kien ilu fil-grawnd għal seba’ minuti biss.

Il-logħba fil-Cardiff City Stadium, li spiċċat bl-iskor finali ta’ 2-2, kienet movimentata ferm għal ħafna ħinijiet, b’Leeds ikollhom il-problemi kbar wara li Cardiff – li jinsabu fl-20 post ta’ The Championship — fetħu vantaġġ doppju sal-mistrieħ minn Jaden Philogene ( 24) u Sheyi Ojo (31).

Leeds għandhom storja ta’ disfatti f’dan l-istadju tal-kompetizzjoni iżda huma ħarġu determinati għat-tieni taqsima, bis-sostitut Rodrigo, li daħal jilgħab minflok Summerville, inaqqas il-marġni b’daqqa ta’ ras mill-viċin.

Għaxar minuti mit-tmiem, Joel Bagan ikkommetta penalty meta salva b’idu x-xutt qawwi ta’ Firpo – bir-referi Jarred Gillett juri l-ħamra lid-difensur tal-Bluebirds.

Madankollu, Rodrigo naqas milli jikkapitalizza mill-ħdax-il metru, bil-gowlkiper Jak Alnwick isalva x-xutt ċentrali tal-attakkant Spanjol. Intant, Perkins – li kien daħal jilgħab fis-86 minuta – kellu ħsibijiet oħra u fit-93 minuta hu sab ix-xibka mill-viċin wara taħwida quddiem il-lasta ta’ Alnwick.

B’hekk, il-Yorkshiremen evitaw l-istess destin ta’ 21 sena, meta huma kienu eliminati mill-istess Bluebirds fl-ewwel fażi proprja tal-FA Cup.

Norwich City kellhom ibaxxu rashom kontra Blackburn Rovers (0-1) f’Carrow Road, bil-gowl uniku ta’ Jack Vale ikun biżżejjed għal kwalifikazzjoni għar-rawnd li jmiss.

Dawn iż-żewġ tims minn The Championship ipproduċew logħba oħra divertenti, b’Vale jikseb il-vantaġġ wara nofs-siegħa meta approfitta mill-indeċiżjoni tad-difiża tal-Canaries.

Minn dak il-ħin ‘il hinn, Norwich xeħtu kollox fuq l-attakk iżda l-gowlkiper ta’  Rovers, Aynsley Pears, wettaq numru ta’ saves impressjonanti fuq it-tentattivi ta’ Onel Hernandez, Max Aarons u  Jordan Hugill – b’Daniel Sinani jara x-xutt tiegħu devjat għal korner fl-aħħar ħinijiet.

Din it-telfa hi anki l-ewwel waħda għal David Wagner li għadu kemm ħa r-riedni bħala manager ta’ Norwich — bit-tim minn East Anglia qed jipprova jpatti għal staġun diżappuntanti fejn jinsab tliet punti ‘il bogħod miz-zona tal-playoffs għall-promozzjoni minn The Championship.