Aston Villa, b’sorpriża kbira, spiċċaw eliminati f’darhom minn Stevenage, bit-tim minn League Two jagħti wirja tajba ħafna li frustrat lill-avversarji aktar ikkwotati u li kellha tissarraf f’żewġ gowls importanti fl-aħħar ħinijiet.
Stevenage kien jimmeritahom din ir-rebħa storika wara li komplew jemmnu fihom infushom minkejja li sabu ruħhom minn taħt u fejn huma għarrfu jieħdu l-okkażjonijiet quddiem il-lasta ta’ Olsen fl-aktar fażi kruċjali tal-konfront.
Villa ħarġu jfittxu gowl kmieni u marru fil-vantaġġ fit-33 minuta meta Morgan Sanson skorja l-ewwel gowl tiegħu għall-Villains wara azzjoni bejn Dendoncker u Douglas Luiz.
Iżda l-gowl ma demoralizzax lil Stevenage li wieġbu minn Luke Norris, li ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-mimduda bil-gowlkiper Olsen megħlub.
Fit-tieni taqsima, Villa ħarġu jfittxu l-gowl ta’ kwalifikazzjoni iżda l-aħħar ħinijiet kienu diżastrużi għat-tim ta’ Unai Emery, b’Leander Dendoncker jikkommetti penalty fuq is-sostitut Dean Campbell fil-85 minuta u fejn spiċċa mkeċċi mir-referi Graham Scott.
Kien imiss lil Jamie Reid li jiskorja l-penalty u l-logħba minn dak il-ħin daret sew favur The Boro, b’Campbell (91) jitfa’ lit-3,000 sapporters tat-tim tiegħu f’dellirju ta’ ferħ wara li għeleb mill-ġdid lil Olsen b’xutt preċiż.
It-tisfira finali ntlaqgħet b’ċelebrazzjonijiet kbar mill-plejers ta’ Stevenage, bir-rekord fqir ta’ Villa jkompli f’din il-kompetizzjoni — tant li huma issa sofrew tmien telfiet konsekuttivi f’din il-fażi bikrija tal-FA Cup.
//= $special ?>