Lokali

Għada jerġa’ jitlaqqa’ l-Parlament – Appell lill-Gvern biex ma jibqax bl-attitudni tal-arroganza

Robert Cutajar, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, appella mill-ġdid lin-naħa tal-Gvern Laburista biex hekk kif għada se jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament wara l-vaganzi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, jibdel l-attitudni tal-arroganza u l-irrumblar li biha qed jaġixxi fil-Parlament li hi l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u fejn minnha mistenni li jinħarġu messaġġi pożittivi u eżempji ta’ korrettezza.

Robert Cutajar, li tkellem ma’ Il-Mument aktar kmieni din il-ġimgħa, qal li hi ħasra li l-Gvern Laburista qed jitlef opportunità wara oħra biex jibgħat messaġġ li hu verament gvern li jisma’ u jikkonsulta.

Fl-aħħar ġimgħat erġajna assistejna għall-arroganza min-naħa tal-Gvern fejn naqas li jikkonsulta bis-serjetà mal-Oppożizzjoni, mal-unions u mas-soċjetà ċivili fuq suġġetti ta’ importanza nazzjonali, bħal, fost l-oħrajn, il-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kif ukoll dwar il-liġi li permezz tagħha jrid li jdaħħal l-abort. Dan anke meta m’għandu l-ebda mandat li jagħmel dan.

Robert Cutajar kompla li l-arroganza tal-Gvern Laburista se tkompli toħroġ fid-deher proprju bl-ewwel liġi li jrid jgħaddi malajr… dik li  tkun tippermetti lill-Gvern li, bla konsultazzjoni, jaqbad u jagħżel hu waħdu lil min ikun fil-kariga ta’ Kummissarju tal-Istandards flok kif obbligat li jagħmel li jkun hemm qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni. Wieħed bilfors allura jrid jistaqsi kif il-persuna nominata mill-Gvern u li m’għandhiex l-appoġġ taż-żewġ terzi tal-Parlament, tista’ qatt tokkupa kariga daqshekk sensittiva.

B’appell ġenwin lill-persuna nominata mill-Prim Ministru għandha tikkunsidra bis-serjetà jekk taċċettax jew le n-nomina li l-Gvern, b’mod stramb u suspettuż, jinsab determinat li akkost ta’ kollox li jibqa’ jmexxi ’l quddiem. Dan meta jidher ċar li ma jgawdix l-appoġġ taż-żewġ terzi tal-Parlament.

L-Oppożizzjoni, fuq din il-materja tant importanti, uriet maturità politika meta ressqet ismijiet li l-Gvern faċilment seta’ kkonsulta bis-serjetà u nstab kompromess li jkun denju għall-kariga daqstant delikata u sensittiva.

Ma’ Robert Cutajar tkellimt ukoll dwar il-kwistjoni tal-mediċini out of stock u qal li anki hawn il-Gvern ipprova jilgħab il-logħba ta’ m’hemmx problemi u ta’ business as usual. Fil-fatt kienet l-Oppożizzjoni li kitbet lill-Kumitat Permanenti Parlamentari tas-Saħħa biex dan is-suġġett jiġi trattat b’urġenza fil-Parlament.

Il-Gvern Laburista, b’mod insensittiv għall-aħħar, naqas li jtella’ dan is-suġġett b’urġenza. Hemm eluf ta’ pazjenti li qed jiffaċċjaw problemi minħabba nuqqas ta’ mediċini li ma jistgħux jgħaddu mingħajrhom.

Id-domanda li n-nies qed jistaqsu hi waħda loġika u pertinenti. In-nies qed jistaqsu għaliex il-Gvern ma ħasibx għal din il-problema li kienet ilha ġejja sa minn xhur ilu?

“Infakkar li għal xhur sħaħ meta l-Oppożizzjoni konna nappellaw lill-Ministru tas-Saħħa biex jagħti kas in-nuqqas ta’ mediċini fil-pajjiż, it-tweġiba min-naħa tal-Gvern dejjem kienet li l-Oppożizzjoni mhix tgħid il-verità! Illum, bħal f’ħafna każijiet oħra, l-istorja qed terġa’ tagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista… bħal fil-każ tal-lista twila ta’ sitwazzjonijiet li qed ifissru tbatija għall-familji tagħna fejn għall-inkompetenza tal-Gvern qed jispiċċa jħallas dejjem il-poplu.

“Tajjeb li nfakkar ukoll li fil-qasam tas-saħħa l-Gvern kien irrifjuta t-talba tal-Oppożizzjoni li jitwaqqaf sottokumitat li jiffoka fuq il-problema tad-dijabate,” qal Robert Cutajar.

Hu kompla li filwaqt li kellha tkun l-Oppożizzjoni fil-Parlament biex wara ruling mogħti mill-Ispeaker, fuq talba tal-Oppożizzjoni dwar nuqqas ta’ preżenza ta’ Ministri biex ikunu preżenti fil-ħin tad-domandi parlamentari u b’obbligu jagħtu r-risposti, issa qed naraw li l-Ministri jkunu preżenti fil-kamra.

Robert Cutajar żied li madanakollu l-Oppożizzjoni qed terġa’ tinsisti li l-Parlament irid jibdel mill-aktar fis il-mod kif jaħdem. “Minkejja li l-Oppożizzjoni resqet numru ta’ proposti biex il-Parlament jibda jiffunzjona bis-serjetà fl-interess tan-nies, sal-lum għadna ma ġejna kkonsultati qatt minkejja li t-talba tagħna saret lill-Gvern aktar minn sitt xhur ilu.

“Wieħed jistaqsi għaliex il-Prim Ministru għadu mhux jaċċetta l-proposta tal-Oppożizzjoni li kif jiġri fil-Parlament li fuqu jimxi l-Parlament Malti ikun disponibbli li darba fil-ġimgħa biex iwieġeb hu għad-domandi mressqa lilu?

“L-Oppożizzjoni tistaqsi wkoll jekk hux aċċettabbli li numru ta’ Kumitati Parlamentari jew ma jiltaqgħu qatt jew kważi qatt?

“Għaliex il-Gvern għadu ma mexxiex ’il quddiem il-proposta tal-Oppożizzjoni li jitwaqqaf Kumitat Permanenti tal-Ġustizzja.

“Wieħed jistaqsi wkoll għaliex il-Gvern se jkompli jkaxkar saqajh biex jagħmel il-bidliet meħtieġa fl-Istanding Orders biex il-Parlament jaqdi l-funzjonijiet veri tiegħu fl-interess tan-nies?

“Għall-Oppożizzjoni mhux aċċettabbli lanqas li l-Gvern jibqa’ joħloq ostakli u ma jippermettix li suġġetti mressqa mill-Oppożizzjoni jiġu diskussi fil-Parlament b’mod aktar frekwenti u mhux sa massimu ta’ suġġett wieħed kull sitt xhur,” saħaq Robert Cutajar.

Hu kompla li l-Oppożizzjoni se tkompli taħdem biex is-sena 2023 tkun is-sena li matulha naraw bis-serjetà Parlament jaħdem esklussivament fl-interess tan-nies u l-ġid komuni. Parlament tan-nies u għan-nies.

“Hekk jixraqilha l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. L-Oppożizzjoni, immexxiha minn Bernard Grech, filwaqt li se tkompli tagħmel id-dmir tagħha b’obbligu u b’rispett lejn il-poplu Malti, se tkompli taħdem ukoll biex iva anke l-valur tal-ħajja jibqa’ jiġi rispettat u l-abort f’pajjiżna ma jidħolx… dan minkejja li l-intenzjonijiet ta’ Robert Abela, anki kontra r-rieda u x-xewqa ta’ għadd mid-Deputati Laburista u mingħajr mandat mill-poplu Malti u Għawdxi, huma ċari li f’pajjiżna jrid idaħħal l-abort,” qal Robert Cutajar.

Hu temm jirringrazzja  lid-Deputati Nazzjonalisti kollha għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom fil-ħidma parlamentari. Dan jawgura tajjeb biex l-2023 tkompli tara lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista impenjat għal aktar ħidma effettiva fl-interess ta’ pajjiżna, temm Robert Cutajar.