Lokali

Għawdex isellem il-memorja ta’ Ratzinger

Ritratt: TGcom24

Joseph Ratzinger kien bħal dak il-‘buffu’ li ħadd ma fehmu….li baqa’ għaddej bit-tfittxija bla heda tiegħu għall-verità, għall-Ġesù Kristu.

Hekk stqarr il-Kardinal Mario Grech, f’quddiesa li saret is-Sibt fil-Katidral t’Għawdex u li fiha d-djocesi sellmet il-memorja tal-Papa Benedittu XVI.

Il-Kardinal Grech spjega kif illi qed nitkellmu fuq l-inkompressjoni – meta ħafna, tul is-snin, ma fehmux lill-Papa Emeritu. Hu insista li din kienet “xi ħaġa kostanti fil-ħajja, fit-teoloġija u fil-papat” tiegħu.

Il-Kardinal Mario Grech stqarr illi l-Papa Benedittu qatt ma kien lest jagħmel kompromessi mal-verità jew jieqaf ifittixha, tiswa x’tiswa! Ratzinger żgur li ma riedx ikun bħal buffu, imma xi kultant li tkun bħal buffu hu l-prezz li wieħed ikollu jħallas biex jgħix skont il-verità.

Intant….fl-aħħar tal-quddiesa, in-Nunzju Appostoliku l-ġdid għamel kelmtejn tal-okkażjoni fejn wassal it-tislijiet tal-Papa Franġisku lill-poplu tagħna u l-memorji sbieħ taż-żjara tiegħu f’Malta u Għawdex is-sena l-oħra. In-nunzju tkellem ukoll dwar ir-rabta personali tiegħu mal-Papa Benedittu, li fl-2010 ħatru Arċisqof u Segretarju għall-Kongregazzjoni tal-Evanġelizzazzjoni tal-Popli.