Rowen Camilleri
ĦAMRUN S…………….1
HIBERNIANS…………0
Ħamrun S: H. Bonello, B. Ederson, S. Borg, M. Guillaumier, E. Mashike (L. Montebello 89’), R. Prsa (V. De Freitas 82’), O. Bjelicic, J. Corbalan, J. Robert (J. Soares 76’), E. Marcelina, R. Camenzuli
Hibernians: J. Haber, F. Apap (A. Agius 59’), K. Shaw, G. Llerena, J. Grech (D. Vella 69’), J. Morillas, (O. Muritala 69’) J. Degabriele, B. Kristensen (G. Mensah 79’), Z. Grech, G. Artiles, A. Diakite
Imwissija: G. Llerena 41’ (Hi), B. Ederson 56’, E. Marcelina 90’ (Ħ)
Skorjaw: R. Prsa 62’ (Ħ)
Referee: Malcolm Spiteri
Assistenti Referees: Roberto Vella u Edward Spiteri
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Roko Prsa (Ħamrun Spartans)
BOV Plejer tal-logħba: Roko Prsa (Ħamrun Spartans)
Pass ieħor importanti għar-rebħ tad-disa’ kampjonat fl-istorja tagħhom, hekk kif Ħamrun Spartans għelbu liċ-champions Hibernians bl-iskor ta’ 1-0. Bla dubju li din kienet rebħa meritiata għall-Ispartans hekk kif tul id-90 minuta rari rajna lil Henry Bonello, mertu anke tal-midfield u d-difiża Ħamruniża li kienu kompatti u għalqu kull spazju possibli. B’din ir-rebħa issa Ħamrun kabbru l-vantaġġ f’ras il-klassifika għal 11-il punt fuq it-tim ta’ warajhom Gżira United.
Fil-11-il minuta minn azzjoni personali, l-Brażiljan ta’ Ħamrun Jonny Robert prova xutt fil-baxx minn barra li għadda jħakkek minn mal-lasti ta’ Justin Haber.
Fit-18- il minuta Bjelicic għal Ħamrun avvanza ‘l quddiem u mingħajr pressjoni ta’ xejn prova xutt minn barra l-kaxxa li Haber laqa’ faċilment.
Ħamrun protestaw għal penalty fl-20 minuta meta Ferdinando Apap seta’ laqat b’idu l-kross ta’ Bjelicic. Malcolm Spiteri ma ra xejn ħażin u ħalla l-logħob għaddej.
Fil-41 minuta Ħamrun jingħataw penalty wara foul ta’ Llerena fuq Bruno Ederson. Mill-11-il metru kien Matthew Guilaumier li mar fuq il-ballun iżda Justin Haber immarkalu l-ballun u laqa’ tajjeb. Iż-żewġ timijiet daħlu jisrieħu fi draw ta’ mingħajr gowls.
Hibernians ħarġu ferm aħjar fit-tieni taqsima u fl-54 minuta l-ewwel kien xutt ta’ Morillas li kien blukkat minn Steve Borg, bil-ballun jasal għand Jurgen Degabriele li prova bix-xellug iżda għal darb’oħra sab lil Borg quddiemu li reġa’ mblokka x-xutt.
Ħamrun marru fil-vantaġġ fit-62 minuta minn azzjoni mibdija minn Guillaumier li mix-xellug qassam lejn Roko Prsa li għadda minn bejn żewġ difensuri u minn quddiem Haber tefa’ l-ballun fis-saqaf tax-xibka fost il-ferħ tas-supporters numerużi ta’ Ħamrun.
Erba’ minuti wara Ħamrun tilfu ċans tad-deheb li jirdoppjaw meta reġa’ kien Guillaumier li għadda lejn in-nofs fejn din id-darba sab lil Bruno Ederson, li waħdu xxamplat tefa’ l-ballun barra.
F’azzjoni rari lejn il-lasti ta’ Bonello, fit-83 minuta s-sostitut Muritala prova xutt fil-baxx li iżda ma nkwetax lil Bonello li laqa’ mingħajr problemi.
Wara sitt minuti ta’ ħin miżjud tasal it-tisfira finali ta’ Malcolm Spiteri u jkunu Ħamrun Spartans li ħadu t-tliet punti li jkomplu jqarrbuhom lejn ir-rebħ tal-kampjonat.
