Lokali

“Ibni kien sfurzat u mhedded biex jivvota favur l-emenda tal-abort” – Missier Deputat Parlamentari Laburista

“Għalija l-vot fil-Parlament li ttieħed fid-19 ta’ Diċembru li għadda u li permezz tiegħu l-emendi dwar id-dħul tal-abort f’Malta għaddew mit-Tieni Qari u issa marru fi stadju ta’ Kumitat tal-Kamra, ma jgħoddx għaliex ibni kien fost dawk li ġew sfurzati u mhedda biex jivvutaw favur dawk l-emendi.

“Inżid ngħid ukoll li ibni dejjem kien kontra l-abort u meta daħal fil-politika u kkontesta l-Elezzjoni Ġenerali, għamel dan biss għaliex kien imwiegħed li b’Robert Abela Prim Ministru, l-ebda forma ta’ abort ma jitħalla jiddaħħal fil-gżejjer Maltin, aħseb u ara kemm ikunu l-istess Robert Abela u Chris Fearne li jimmilitaw biex dan jiddaħħal f’Malta.

“Ninsab iddispjaċut ħafna għaliex ħaġa bħal din qatt ma stennejtha la minn Robert Abela u anqas minn Chris Fearne u għad irrid inkun naf x’inhi l-aġenda tagħhom wara ħaġa bħal din li tmur kontra r-rieda u x-xewqa tal-poplu Malti.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha missier Deputat Laburista li jinsab imweġġa’ ħafna b’dak li ġara fl-aħħar ġimgħat kemm internament fil-Partit Laburista kif ukoll il-manuvrar kollu li sar minn Kastilja biex l-emendi favur l-abort ikunu approvati mill-Parlament Malti.

“Nista’ ngħid li diversi kienu d-Deputati Laburisti li bħal ibni kienu u huma kontra milli l-abort jiddaħħal f’Malta u Robert Abela, sa minn qabel l-Elezzjoni Ġenerali stess, kien wiegħed li dan ma jiddaħħal qatt f’Malta kemm-il darba hu jkun Prim Ministru. Allura nistaqsi jien: X’ġara issa biex Robert Abela biddel fehmtu? Kif l-ewwel ta l-kelma mod ieħor, u issa bidel il-verżjoni kollha? U għaliex tal-inqas ma ħalliex lid-Deputati kollha Laburisti jivvutaw skont il-kuxjenza tagħhom? Għaliex anki hawnhekk kellu diffikultà milli jagħti l-vot ħieles lil dawn id-Deputati.

“Jien naf ukoll li diversi kienu d-Deputati Laburisti li internament urew li ma kenux jaqblu ma’ dawn l-emendi favur l-abort, iżda naf ukoll li kien hemm it-tama li tinstab xi forma ta’ soluzzjoni biex jew dan l-Abbozz ta’ Liġi ma jitkompliex ikun imbottat fil-Parlament, jew inkella jkollu l-emendi tiegħu emendati biex hekk jintlaħaq xi forma ta’ kompromess. Minn dan kollu ma ġara xejn għaliex Robert Abela baqa’ għaddej b’dak li qed jgħidlu moħħu,” kompla dan il-missier ta’ Deputat Laburista.

“Fil-gazzetti issa qrajna li wara dan kollu hemm l-idejn moħbija tal-Ewroparlamentari Cyrus Engerer u tad-Deputat elett minn Robert Abela, ċioè Randolph de Battista. Biex jistgħu jkunu qed jirrikattaw dawn lil Robert Abela biex iċedi għall-pressjoni tagħhom?

“U mhux żejda kienet din li Cyrus Engerer, dakinhar li ttieħed il-vot, mar fil-Parlament jgħasses x’kienu qed jagħmlu d-Deputati Laburisti!” kompla dan il-missier ta’ Deputat Laburista li għalih il-prinċipji favur il-ħajja jiġu l-ewwel u qabel kull konsiderazzjoni oħra.