Raġel Iranjan ta’ 32 sena inżamm taħt arrest fil-Ġermanja talli allegatament kien qed jippjana attakk bil-materjal kimiku bħala ‘messaġġ immotivat mit-twemmin Iżlamiku radikali’.
Ingħad li r-raġel kien qed jaħseb biex juża s-cyanide u r-ricin għal att ta’ vjolenza mill-aktar serju fl-Istat ta’ Rhine-Westphalia lejn in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż. Intant, il-pulizija wettqu rejd fir-residenza tar-raġel fir-reġjun tar-Ruhr u fejn ma sabux sustanzi velenużi. Madankollu, ir-raġel inżamm xorta taħt arrest, l-istess bħal ħuh, fost rapporti li huma qed jgħinu fl-istħarriġ tal-awtoritjiet.
Fl-istess ħin, il-pulizija qalu li elevaw numru ta’ tagħmir elettroniku mid-dar tas-suspettat wara li huma kienu infurmati dwar ‘il-ħsibijiet’ tal-Iranjan mingħand is-servizzi sigrieti.
Mhux ċar kemm ir-raġel kien qrib li jwettaq l-allegat pjan qattiel fil-prattika. Il-Pulizija Ġermaniża u l-awtoritajiet lokali mhumiex jispekulaw dwar il-mira potenzjali tal-allegat kumplott iżda huma xorta kienu mistennija li joħorġu l-mandati għall-arresti uffiċjali fi kwistjoni ta’ sigħat.
L-akkuża dwar att serju ta’ vjolenza li tipperikola lill-Istat iġġorr sentenza ta’ bejn sitt xhur u għaxar snin ħabs.
Il-Ġermanja, fl-aħħar snin, spiċċat mira ta’ diversi attakki mill-militanti Iżlamiċi, bl-akbar wieħed iseħħ f’Berlin, fl-2016, meta terrorista kien saq trakk għal fuq in-nies fi Christmas Market fejn ħalla tnax mejtin u għexieren ta’ midruba.
//= $special ?>