Il-poplu ġie mwiegħed Budget bla taxxi – iżda ftit aktar minn xahrejn wara, kollox qed jindika li din kienet gimmick oħra minn naħa tal-Gvern ta’ Robert Abela u l-Ministeru ta’ Clyde Caruana; gidba oħra għal billboards tal-Labour.
Dan hekk kif wara li sar magħruf li l-VRT għola fil-prezz…u li issa l-ħwienet, ristoranti, barijiet u stabbilimenti kummerċjali jridu jħallsu biex jinġabarlhom l-iskart minn wara biebhom….. il-Ħadd, sar magħruf li l-Gvern se jdaħħal 18% VAT fuq proċeduri estetiċi.
Il-ġurnal Times of Malta żvela li għaddejjin diskussjonijiet sabiex l-Gvern jintaxxa permezz tal-VAT proċeduri li jinvolvu l-applikazzjoni ta’ Botox jew Fillers, tneħħiha ta’ vini fis-saqajn…jew saħansitra dak l-imsejjaħ teeth whitening.
Ġie spjegat li preżentament id-Dipartiment tat-Taxxa għaddej f’diskussjoni mal-Kunsill Mediku sabiex jistabilixxu eżattament liema servizzi se jiġu intaxxati.
Is-Sunday Times tkellmet ma’ direttur privat f’dan il-qasam tas-Servizzi tas-Saħħa, Maria Bugeja, li kkonfermat li d-Dipartiment tat-Taxxa informa lill-kumpaniji li jipprovdu proċeduri estetiċi u operazzjonijiet kożmetiċi li se jkunu qed jintroduċu għall-ewwel darba t-taxxa tal-VAT fuq numru ta’ servizzi.
Dan ifisser li inevitabbilment il-prezzijiet ta’ dawn is-servizzi se jiżdiedu drastikament – proċeduri li jinkludu t-tneħħiha ta’ fellul, tbajja mill-ponot ta’ żmien l-adolexxenza, u saħansitra li persuna tagħmel il-braces jekk mhux medikalment neċessarju. Kif ukoll tneħħija ta’ tattoos, ċellulite żejda jew meta wiehed isaħħaħ il-basla ta’ xagħru.
Diversi persuni fil-qasam saħqu li f’pajjiżna diġà qed naraw diversi persuni li jsiefru biex jagħmlu dawn il-proċeduri, fost oħrajn fit-Turkija…u pass bħal dan qed jitqies bħala mannara oħra fuq ras is-settur u l-kompettitività.
//= $special ?>