Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Il-konflitt f’Bakhmut jiħrax wara ‘waqfien mill-ġlied’ ibbażat biss fuq il-kliem

Il-battalja għall-kontroll ta’ Bakhmut qed tiżvolġi f’waħda mill-aktar intensivi tal-gwerra li għadha għaddejja fuq kull livelll fir-reġjun tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna.

U waqt li l-ġlied qed ikompli, ħadd fost ir-residenti ma għadu jiftakar is-sejħa tal-President Russu Vladimir Putin biex il-qawwiet tiegħu u tal-Ukrajna jieqfu mill-kumbattimenti biex jippermettu għall-osservazzjoni u ċelebrazzjoni tal-Milied għall-Kristjani Ortodossi, aktar kmieni dan ix-xahar.

Fl-istess ħin, l-aħħar ġranet – jew sigħat – urew li l-‘waqfien mill-ġlied’ għal 36 siegħa iddikjarati mir-Russja ( u li żmienu skada fil-lejl tas-Sibt) ma kien waqfien mill-ġlied xejn filwaqt li ma kellu l-ebda bażi fil-prattika jew fir-realtà. Fil-fatt, l-Ukreni fid-Donbas sostnew li huma ma rawx ħlief aktar bumbardamenti  fuq id-djar u z-zoni tar-reġjun min-naħa tar-Russi.

Hu minnu wkoll li l-Ukreni rrifjutaw l-offerta ta’ Putin bħala waħda intiża biex l-Armata tiegħu tikseb forma ta’ vantaġġ f’din il-gwerra – bl-isparar tal-missili fuq Bakhmut iżid sew fl-aħħar sigħat.

Sadanittant, qegħdin jinqatlu aktar ċivili Ukreni meta l-qawwiet Russi jinsabu fil-limiti ta’ Bakhmut u meta huma ilhom mis-sajf jippruvaw jieħdu l-kontroll ta’ din il-belt importanti.

Illum f’Bakhmut fadal biss ftit eluf minn fost il-popolazzjoni oriġinali ta’ 50,000 u l-battalji mal-periferiji tal-belt mistennija jibqgħu għaddejjin matul il-jiem li ġejjin, bl-Ukreni determinati li ma jċedux pulzier ta’ art u bl-artillerija tar-Russja mhi qed taqta’ xejn mill-bumbardamenti.

Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ Putin rigward il-waqfien mill-ġlied li ma seħħ qatt qed titqies bħala sinifikanti għaliex din kienet l-ewwel darba li ntuża dan id-diskors – kemm mir-Russja kif ukoll mill-Ukrajna – mindu t-truppi Russi invadew l-artijiet Ukreni lejn l-aħħar ta’ Frar.

U waqt li, tul is-snin, kien hemm diversi tentattivi għal waqfien mill-ġlied bejn il-qawwiet Ukreni u s-separatisti fid-Donbas, dawn fallew dejjem u għalissa mhemmx indikazzjoni li s-sitwazzjoni f’Bakhmut għandha tinbidel f’qasir żmien.

Dan meta r-reġjuni tal-lvant tal-Ukrajna ilhom mira għall-aggressjoni ta’ Moska mill-2014, wara li r-Russi kienu ħatfu l-penisola tal-Krimea u żiedu l-appoġġ tagħhom lill-militanti separatisti fid-Donbas.