Lokali Saħħa

Il-problema tal-mediċini out of stock ilha tippersisti minn meta Abela sar Prim Ministru

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne jkompli jagħmel minn kollox biex ma jkollux x’jaqsam mal-kwistjoni tal-mediċini out of stock.

Rekords uffiċjali u li huma pubbliċi jikkonfermaw li l-problema tal-mediċini out of stock f’pajjiżna ilha tippersisti minn meta Robert Abela sar Prim Ministru f’Novembru tal-2019.

Jirriżulta li minn meta Robert Abela sar Prim Ministru m’għaddietx ġimgħa waħda biss li ma kellniex ammont ta’ mediċii out of stock, anki jekk min jieħu ħsieb il-mediċini kien iwassal il-messaġ li tal-inqas tinżamm ‘available’ kaxxa jew tnejn bi prodotti mediċinali out of stock biex tal-inqas uffiċjalment dawn il-prodotti ma jkunux fil-fatt jidhru out of stock.

Skont l-aħħar aġġornament tal-lista tal-mediċini out of stock, ċioè dik tas-7 ta’ Novembru tal-2022, kien hemm xejn inqas minn lista’ ta’ 25 prodott mediċinali out of stock, fosthom mediċini importanti ħafna bħal fil-każ tal-insulina ‘Aspart’ li għandha l-isem ta’ ‘Novo Rapid’.

Din hi mediċina importanti ħafna għall-fatt li persuni b’kundizzjoni ta’ dijabete ma jistgħux jgħixu mingħajrha. Interessanti l-fatt li sa mill-bidu ta’ Novembru li għadda bdew sensiela ta’ lmenti dwar il-fatt li pazjenti ma kenux qed isibu din it-tip ta’ mediċina u kellhom joqogħdu jterrqu minn spiżerija għall-oħra biex jixtru l-mediċina li kellhom bżonn.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju ta’ mediċini out of stock, sa issa d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, li hu wkoll il-Ministru responsabbli mis-Saħħa, għażel li ma jiffugura imkien biex iserraħ ras il-poplu dwar din il-kwistjoni daqstant delikata. Sa issa kulma għamel il-Ministeru tas-Saħħa kien biss li darba waħda biss ħareġ stqarrija biex jgħidilna li ma hemmx mediċini out of stock… gidba mill-bidu sal-aħħar għaliex il-verità issa jafha kulħadd u kulħadd jaf li hawn nuqqas ta’ mediċini, mediċini out of stock u, saħansitra, mediċini ta’ importanza kbira li wkoll mhumiex jinstabu.

Filwaqt li d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qiegħed ikompli jżomm lilu nnifsu ferm lil hinn milli jiċċappas ma’ din il-problema tan-nuqqas ta’ mediċini fil-pajjiż, f’nofs din il-ġimgħa nqdew b’intervista li dehret f’ġurnal bl-Ingliż ma’ Karl Farrugia li hu l-Kap tas-Central Procurement and Supplies Unit (CPSU) li bosta ddeskrivew bħala “intervista pastaża” li tal-inqas fiha ħarġet il-verità hekk kif Karl Farrugia kien ikkwotat jgħid u jammetti li: “Medicine shortages could last up to six months… but no cause for alarm!”

Fi ftit kliem, anzi fi kliem Karl Farrugia stess, il-problema tal-out of stock mistennija tkompli taggrava. Fi ftit kliem din l-intervista aktar serviet ta’ ħsara u dannu għal Chris Fearne u l-Gvern Laburista milli ta’ ġid kif oriġinarjament kien il-ħsieb li jintlaħaq b’din l-intervista!

Sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li fl-isforzi tiegħu biex ixejjen din il-problema tal-out of stock, il-Gvern Laburista qed jgħis li hemm pazjenti li qed jingħataw mediċini aktar milli jkollhom bżonn… ċioè hemm tobba li qed jiktbu ċerti mediċini fi kwantitajiet ta’ aktar milli jkollhom bżonn il-pazjenti tagħhom.

Tajjeb li wieħed ifisser li fil-konfront ta’ pazjenti dijabetiċi, tabib ma jistax jgħid kemm dawn il-pazjenti għandhom jieħdu insulina għaliex l-insulina mhix bħall-mediċini l-oħra… “trid tiċċekkja d-demm, trid tara x’se tiekol u x’eżerċizzju se tagħme u jekk finalment tkun ma tiflaħx, allura dawn il-fatturi kollha jinqalbu kollha ta’ taħt fuq u l-pazjent ikollu bżonn ta’ ħafna aktar units ta’ insulina.

“Mela dak li ġeneralment jagħmlu t-tobba hu biss li jagħtuk il-massimu ta’ dożi li jista’ jkollhom bżonn biex dak li jkun, kemm-il darba jiġi bżonn ta’ aktar units ta’ insulina, ifittex u jsib u mhux jispiċċa b’xejn,” qalulna s-sorsi li tkellimna magħhom.

Żiedu li gravi wkoll hi s-sitwazzjoni ta’ persuni li għandhom pressjoni f’għajnejhom… b’anzjan din il-ġimgħa spiċċa jirrakkonta kif kellu jgħaddi xejn inqas minn seba’ sigħat sakemm xtara l-mediċini li kellu bżonn għaliex minfejn kien jinqeda s-soltu qalulu li dik il-mediċina kienet out of stock u hu spiċċa ma seta’ jsib mediċina mkien u kien biss li nqeda meta mar fl-Ispiżerija tal-Isptar Mater Dei!

Tajjeb li wieħed jippreċiża li kien hemm pazjenti oħrajn li rrikorrew għall-Ispiżerija tal-Isptar Mater Dei biex jixtru l-mediċini out of stock, iżda anki hawnhekk qalulhom li ma setgħux jaqduhom għaliex dik il-mediċina partikulari fil-fatt kienet spiċċat!

Dwar l-aħħar żviluppi fil-kwistjoni tal-mediċini out of stock ħadt ukoll ir-reazzjonijiet ta’ Claudette Buttigieg, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għar-rigward tal-Ġlieda kontra d-Dijabete, il-Libertajiet Ċivili u d-Djalogu Soċjali, li fissret li quddiem din il-kwistjoni kollha l-Gvern Laburista kellu għaża x’jista’ jagħmel, ċioè li jkun onest u jammetti li hawn diffikultà u fejn jista’ jagħti inqas mediċini jagħti inqas mediċini iżda hemm każijiet fejn dan ma jistax isir.

Filwaqt li qalet li kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista talab biex il-Kumitat Parlamentari Permanenti tas-Saħħa jitlaqqa’ b’urġenza ħalli jiddiskuti din is-sitwazzjoni, ħalli l-Gvern jgħid x’qed jagħmel biex jindirizza din il-kwistjoni serja u x’qed jagħmel biex jixtri aktar mediċini.

Hu importanti li l-Gvern jgħid il-verità u jgħid li hawn problemi fix-xiri tal-medicini. Iżda, u dan anki skont il-Liġi tal-Mediċini Artiklu 20, jippermetti li l-Gvern jixtri ammont ta’ mediċinii u jaqbeż ċertu red tape biex hekk iserraħ ras il-poplu Malti u Għawdxi li qed imur ifittex ċerti mediċini iżda qed isib li dawn huma out of stock.

Il-Gvern jaf li f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea hemm mediċini li jkunu ċertifikati u għalhekk dawn jistgħu jinkisbu għal pajjiżna billi jinqabeż ċertu red tape għaliex la dawn il-mediċini huma tajbin għal dawn il-pajjiżi Ewropej, allura huma tajbin għalina wkoll.

Filwaqt li fakkret li din il-kwistjoni tal-mediċini out of stock ilha pendenti sa minn meta Robert Abela sar Prim Ministru f’Novembru tal-2019, żiedet li jirriżulta li sa minn dakinhar dejjem inħarġet lista b’ammont ta’ mediċini out of stock.

Qalet li skont l-aħħar lista maħruġa, dik tas-7 ta’ Novbembru li għadda, kien hemm 25 mediċina out of stock. Issa qed jirriżulta li dik iċ-ċifra  mhix veritiera għaliex hemm aktar mediċini out of stock.  

Cluadette Buttigieg kompliet li: “Naħseb li l-akbar nuqqas li qed jagħmel il-Gvern Laburista bħalissa hu li qed jipprova jaħbi l-verità lin-nies. Li inti tgħid lin-nies biex iserrħu rashom għaliex m’hemmx problema u dan meta problema hemm, ma twassalx biex in-nies iserrħu rashom. Pjuttost jiġri bil-maqlub għaliex issa l-problema kibret.”

Hi żiedet li kieku l-Gern Laburista kien onest u ħareġ jgħid li hemm problema imma li qed jaħdem fuqha, l-affarijiet kienu jkunu xort’oħra. Il-Gvern messu talab lin-nies biex ma jippjanikkjawx, ma jaħżnux mediċini żejda. Messu qal li kien se jindirizza l-problema. Hekk kienet tkun storja oħra.

“Hu insult li l-Ministru tas-Saħħa ħareġ biċċa stqarrija u ma qal xejn aktar. L-informazzjoni li għandna hi pubblika u ħafna minn din l-informazzjoni hi wkoll online,” insistiet Claudette Buttigieg li saħqet li l-punt jibqa’ li hawn problema serja bil-mediċini, in-nies dan jafuh tajjeb għax qed iħossu l-problema huma stess…. iżda għandna Gvern Laburista li jibqa’ ma jgħidx il-verità li iva f’pajjiżna hawn problema serja ta’ mediċini out of stock u li wħud minn dawn il-mediċini out of stock huma importanti ħafna.

Mistoqsija dwar lista oħra ta’ mediċini out of stock li dehret fil-midja aktar kmieni din il-ġimgħa, Claudette Buttigieg osservat kif il-fatt li l-Gvern ta’ Robert Abela jrid jaħbi l-verità toħroġ ukoll mill-fatt li fl-14 ta’ Novembru li għadda nħarġet lista oħra, iżda mbagħad din il-lista reġgħet tneħħiet bl-aħħar lista ppubblikata terġa’ ssir dik tas-7 ta’ Novembru.

“Dan fid-dawl tal-miljuni li l-Gvern ħallas u se jibqa’ jħallas lil tal-Vitals u ta’ Steward, minkejja li dawn il-flejjes setgħu jkunu investiti b’benefiċċju għall-poplu kollu u mhux għall-ftit.”

Sadattant fi żvilupp ġdid il-Gvern Laburista, grazzi għall-pressjoni li saret mill-Partit Nazzjonalista, sejjaħ laqgħa tal-Kumitat Parlamentari Permanenti tas-Saħħa dwar l-ammont dejjem jiżdied ta’ mediċini li qed ikunu out of stock. Dan wara li d-Deputati Nazzjonalisti Stephen Spiteri, Ian Vassallo u Claudette Buttigieg insistew li din il-laqgħa għandha ssir b’mod urġenti biex anqas nies ibatu minn din is-sitwazzjoni.

Iżda għall-Gvern ta’ Robert Abela, it-tbatijiet u l-isfidi tan-nies m’humiex prijorità tant li sejjaħ din il-laqgħa għas-16 ta’ Jannar li ġej!

B’hekk, għax mhux jieħu din is-sitwazzjoni bis-serjetà jew m’għandux idea kif se jindirizzaha, il-Maltin u l-Għawdxin se jkollhom jistennew kważi ġimgħatejn oħra biex jaraw x’għandu f’moħħu l-Gvern ta’ Robert Abela.