Lokali Qorti

Konfermata sentenza mill-Appell wara li hedded lil martu bil-ħabs

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Edwina Grima ikkonfermat is-sentenza ta’ ħtija fil-konfront ta’ raġel ta’ 63 sena li hedded lil martu li jekk ma tħallasx il-kont tat-taxxa li rċieva hu kienet se tispiċċa l-ħabs. Kien id-29 ta’ Diċembru 2020 meta f’Ħal Qormi fejn kienet tgħix il-koppja li għaddejja mill-istadju ta’ separazzjoni, seħħ dan l-inċident għall-ħabta tat-8am.

Il-koppja kienet tgħix fl-istess dar imma f’sulari differenti. L-argument inqala’ fuq kont tat-taxxa li rċieva r-raġel. b’rabta mad-dħul finanzjarju ta’ martu. F’Ġunju li għadda r-raġel, li ismu mhux jissemma’ biex tiġi protetta martu, li hija l-vittma kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li hedded lil martu u kien obbligat biex ma jdejjaqx lil martu għall-perjodu sena u jekk jonqos jiġi mmultat €1,000.

Ir-raġel appella fuq il-punt li skont hu meta qalilha li se “jiddispjaċik” għax ma riditx tħallas il-parti dovuti minnha ried ifisser li se tiffaċċja passi skont il-liġi, li jistgħu jwasslu għall-piena karċerarja. Skont hu il-provi li waslet għalihom l-Ewwel Qorti kienx wieħed raġjonevolment u legalment validu.

Madankollu l-Imħallef Grima qalet li taqbel perfettament ma’ dak li waslet għalih il-Qorti tal-Maġistrati ma kienx hemm rabta bejn il-kelma “jiddispjaċik” u l-kliem l-ieħor li qal lil martu. Dan għaliex il-ħati kien indirizza lil martu bil-kelma ‘jiddispaċik’ fl-ewwel okkazzjoni meta ikkonfrontaha.

Kien biss wara li hija njoratu u irrifjutat li tħallas, li reġa’ ikkonfrontaha u qalilha li kien ser jitfagħha il-ħabs jekk tippersisti u ma tħallasx dan il-kont. Il-vitma qalet li wara li semgħet l-ewwel diskors ta’ żewġha, hija ħassitha imbeżża’ tant li iddeċidiet tagħmel rapport lill-Pulizija u tġalli d-dar matrimonjali.

Il-Qorti tal-Appell qalet li ssiba diffiċli temmen lir-raġel meta qal li indirizza lil martu b’leħen kalm. Għal dawn ir-raġunijiet li l-Imħallef Grima ċaħditlu l-appell u kkonfermat is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati. Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt li rapport imħejji mill-Aġenzija Appoġġ, eżebit fl-atti jirriżulta illi jeżisti oġġettivament ir-riskju ta’ vjolenza, għalkemm mhux wieħed għoli, u dan ukoll abbażi ta’ inċidenti li seħħew fil-passat bejn il-koppja. Il-Qorti qalet li ssibha kemmxejn diffiċli temmen lill-appellant meta dan qal li indiriżża lil martu b’leħen kalm u mhux b’aggressività.