Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ 54 xahar ħabs dwar serq minn fuq żewġ anzjani

Żagħżugħ Sirjan ta’ 22 sena kellu sentenza ta’ 54 xahar ħabs konfermata mill-Qorti tal-Appell wara li kien ammetta wkoll fl-Ewwel Qorti li seraq żewġ irġiel anzjani, u weġġa’ ħafif wieħed minnhom. Obaid Alsaleh residenti l-Ħamrun kien ammetta quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo, akkużat li f’Diċembru tal-2021, flimkien ma’ persuna oħra ssekwestra żewġ anzjani.

Huwa appella mill-piena mogħtija lilu għax raha severa wisq. L-ewwel serqa kienet seħħet fit-3 ta’ Diċembru fi Triq il-Kapuccini, il-Marsa bejn il-5.30p, u s-s-6pm. Il-vittma ta’ 71 sena kien qed jipprova jirreżisti lil Alsaleh u b’riżultat ta’ dan weġġa’. Is-Sirjan li qal fil-Qorti li jaħdem bħala kaħħal kien ammetta wkoll li fis-6 ta’ Diċembru bejn is-2.30pm u t-3pm seraq mobile lil raġel ta’ 64 sena fil-Ħamrun.

Il-vittmi kienu qalu lill-Pulizija li kienu ġew aggrediti minn żewġt irġiel. L-Ispettur Lydon Zammit, li mexxa l-Prosekuzzjoni flimkien mal-Ispetturi tal-Pulizija Stephen Gulia u Roderick Attard, qal li l-akkużat kien arrestat fid-dar tiegħu wara li ġie rikonoxxut minn filmati tas-CCTV.

Alsaleh instab ħati wkoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża li kien ingħata f’Ġunju tal-2021 u li sar reċediv. L-Ispettur Zammit qal lill-Qorti li r-raġel kien ikkopera mal-investigazzjoni u kien ta lill-pulizija informazzjoni dwar il-kompliċi tiegħu.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-pieni fl-Ewwel Qorti, l-Ispettur Zammit kien qal li l-Prosekuzzjoni kienet qed tinsisti fuq il-ħabs, u sostna li r-reati saru aktar serji minħabba l-fatt li kienu mmirati lejn l-anzjani, iżda li l-piena kellha tittaffa mill-fatt li Alsaleh kien ikkopera mal-Pulizija u assista fl-identifikazzjoni tar-raħel l-ieħor involut.

Fl-Appell, l-Imħallef Edwina Grima qalet li l-appellant ilmenta li l-Ewwel Qorti ma qisitx diversi fatturi, fosthom il-ko-operazzjoni tiegħu, l-ammissjoni bikrija, il-karattru suxxettibbli tiegħu u l-fatt li ma nġabitx prova dwar l-addebitu tar-reċediva.

Is-Sirjan qal li rrizulta li l-piena mogħtija mill-Ewwel Qorti kienet b’xi mod “ħażina fil-prinċipju” jew “manifestament eċċessiva”. Il-Qorti qalet li dwar l-ilment tar-reċidiva, u il-fatt li ma nġiebet ebda prova fir-rigward, jingħad illi l-appellant ammetta anke għal din l-akkuża, kif ammetta għall-imputazzjonijiet kollha u għalhekk fid-dawl ta’ dan kollu
l-Prosekuzzjoni ma kien jenħtieġilha tressaq ebda prova, sakemm il-Qorti ma kenitx tal-fehma illi ma kellhiex tistrieħ fuq tali ammissjoni u ordnat il-prosegwiment tas-smigħ tal-każ, haġa illi mill-atti ma jidhirx illi seħħet.

Il-Qorti nnotat ukoll li fis-sentenza appellata, hemm ndikat li qed tinstab ħtija fit-termini tal-Artikolu 49 tal-Kodiċi Kriminali u mhux l-Artikolu 50 ukoll, u għalhekk jidher li ma kien hemm l-ebda żieda fil-piena mposta fuq l-appellant minħabba l-addebitu tar-reċediva.

Għalhekk dan l-ilment ma jistħoqqlux jintlaqa’. Dwar il-bqija tal-ilmenti mressqa mis-Sirjan, il-Qorti għamlet referenza
għal konsiderazzjonijiet magħmula fis-sentenza appellata fejn l-Ewwel Qorti stqarret li “qiegħdha tieħu in konsiderazzjoni n-natura tar-reati li tagħhom qiegħed jinstab ħati l-imputat, l-ammissjoni bikrija tiegħu, il-fedina penali tal-imputat u kif ukoll il-pre-sentencing report”.

Infatti, fl-istess pre-sentencing report, il-Probation Officer Mary Rose Farrugia ikkonkludiet li “… hu suġġerit li … jingħata sentenza ta’ priġunerija effettiva li minnha jitnaqqas iz-zmien li għamel taħt arrest preventiv. Hu rrakomandat li s-sentenza tinkludi ukoll ordni ta’ trattament u dan sabiex ikomplu jkunu ndirizati problemi oħra bħal dik ta’ rabja kif ukoll ta’ abbuz mid-droga cannabis sintetika”.

Għalhekk jidher li l-fatturi kollha li l-appellant qed jilmenta minnhom, l-Ewwel Qorti kienet ħadithom in konsiderazzjoni meta waslet biex tagħti l-piena in kwistjoni. In oltre, mill-komputazzjoni tal-piena magħmula, jirriżulta li t-terminu ta’ 54 xahar priġunerija effettiva mogħtija mill-Ewwel Qorti taqa’ sewwasew fil-parametri tal-piena għall-imputazzjonijiet kollha addebitati lill-appellant u saħansitra huwa terminu li jqarreb pjuttost lejn il-minimu stabbilit fil-Liġi.

Għalhekk il-Qorti hija tal-fehma li l-piena mposta mill-Ewwel Qorti kienet waħda legalment u raġonevolment valida, u tirrispekja r-reati serji addebitati lilu, reati kommessi fuq vittmi anzjani u vulnerabbli, u ssib forza ukoll fil konkluzzjonijiet milħuqa fil-pre-sentencing report.

Finalement il-Qorti tal-Appell qalet li hija tal-fehma li ma tezisti l-ebda raġuni li tista’ twassalha sabiex titbiegħed mid-diskrezzjoni eżerċitata mill-Ewwel Qorti fil-kalibrazzjoni tal-piena minnha magħmula, liema piena għalhekk għandha tibqa’ invarjata. Għal dawn il-motivi l-Qorti ċaħdet l-appell mressaq minn Obaid Alsaleh u ġiet ikkonferma s-sentenza appellata fl-kumplessività tagħha.