Lokali Qorti

Minn mhux ħati għal ħati: Każ ta’ fastidju sesswali fil-każin Laburista tal-Floriana

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Edwina Grima laqgħet talba tal-Avukat Ġenerali u rrevokat sentenza fil-konfront ta’ anzjan mir-Rabat li kien ġie lliberat mill-Qorti tal-Maġistrat fuq fastidju sesswali fejn ġie kundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn. Il-fastidju kien seħħ f’l-14 ta’ Ottubru tal-2021 fil-każin Laburista tal-Floriana.

Żagħżugħa Spanjola kienet deheret viżibilment ixxokkjata minn filmati tas-CCTV u dan wara li kienet iffastidjata minn anzjan. It-tfajla li kienet mal-għarus tagħha barra u f’ħin minnhom marret mal-bar biex tordna tnejn kafe. Hemm pensjonant li dak iż-żmien kellu 75 sena, taha fastidju sesswali u dan wara li hija niżlet isfel biex tmur it-tiolet.

Irriżulta mill-provi li Roger Galea niżel warajha u qalilha. “Hello sabiħa! Kif int?” Hija niżlet sitt tarġiet fil-livell tal-kantina fejn hemm il-kamra tal-banju u ħarġet ftit tal-minuti wara u sabet lir-raġel fil-bieb, u hu bblokkala t-triq. Ħarġ ukoll fil-Qorti li xtaq ibusha u qabdilha l-id ix-xellugija u biesha fuqha. It-tfajla ppanikkjat u bdiet tgħidlu biex iħalliha tmur. “Ħallini, ħallini,” u f’xi ħin irnexxielha tiżgiċċalu.

L-Ispettur Gabriel Micallef kien xehed dan kollu fil-Qorti u qal li t-tfajla qalet x’kien ġara lil tal-bar u wara għamlet rapport lill-Pulizija, u dan fuq parir ukoll tal-istess barman. Ġie preżentat rapport fl-għassa tal-Belt Valletta u Galea ġie arrestat. Huwa qed iwieġeb mhux ħati li ssuġġetta lill-mara għal atti li għandhom konnotazzjoni sesswali.

L-Ispettur Micallef qal li ċċekkjaw filmati minn CCTV li hemm fejn il-bar, iżda filmati ta’ fejn it-tiolet’s mhemmx u qal ukoll li hemm sitt tarġiet biex tinżel minn post dejjaq sabiex tasal. Bħala distanza qal li kull ma hemm huma erba’ metri.

Kien qal li minkejja li l-filmati tas-CCTV huma bla ‘sound; mill-body language tat-tfajla ġie nnutat li din kienet imbeżża’ ħafna. Qal li dak inhar fil-każin mhux żgur kien hemm tnejn minn nies preżenti. L-Imħallef Edwina Grima qalet fis-sentenza tagħha li l-artikolu 251A tal-Kodiċi Kriminali ġie sostitwit permezz ta’ l-Att XIII tal-2018 u ċioe’ ‘l-Att biex jipprovdi sabiex l-artikoli tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, isiru u jkunu eżegwibbli bħala parti mil-Liġijiet ta’ Malta’.

Protezzjoni mill-vjolenza domestika b’konnotazzjonijiet ta’ natura sesswali

Dan l-Att kellu ukoll bħala l-għan tiegħu li jippromwovi u jipproteġi d-dritt ta’ kulħadd, u partikolarment persuni f’ riskju li jiġu esposti għal vjolenza domestika li jgħixu ħajja ħielsa mill-vjolenza kemm fl-isfera pubblika kif ukoll dik privata.

Din il-liġi il-ġdida ħasbet sabiex tipprovdi ukoll għal emendi konsegwenzjali f ’għadd ta’ liġijiet varji, fosthom
allura f’ uħud mid-disposizzonijiet tal-Kodiċi Kriminali li jkopru ir-reati b’konnotazzjonijiet ta’ natura sesswali. Fil-fatt fl-Iskeda għall-Att hemm riprodotta fl-intier tagħha il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika iffirmata ġewwa Istanbul, itTurkija fil-11 ta’ Mejju 2011, magħrufa bħala il-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

Din ġiet ratifikata f’Malta f’Mejju tal-2014, bl-adeżjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropeja għal din il-Konvenzjoni iseħħ fid-9 ta’ Ġunju 2017. Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul hija l-aktar trattat internazzjonali komprensiv dwar il-ġlieda kontra, u l-prevenzjoni, tal-vjolenza kontra in-nisa u vjolenza domestika, bit-Trattat jagħti issegwenti definizzjoni tal-vjolenza kontra in-nisa.

“Vjolenza fuq in-nisa” hija mifhuma bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa u għandha tfisser kull att ta’ vjolenza abbażi tas-sess li tirriżulta, jew li aktarx tirriżulta fi ħsara fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika jew tbatija għan-nisa, inkluż theddid ta’ atti bħal dawn, sfurzar jew ċaħda arbitrarja tal-libertà, kemm jekk issir fil-pubbliku kif ukoll fil-ħajja privata,” qalet il-Qorti tal-Appell.

L-Ewwel Qorti ġustament waslet għal konkluzjoni li l-imġieba tal-appellat kienet waħda b’konnotazzjonijiet sesswali, li ma kenitx mixtieqa u “indubbjament wieħed ta’ intimidazzjoni, degradanti u offensiv lejn il-vittma.” Illi allura abbażi ta’ dawn il-konkluzjonijiet, l-Ewwel Qorti kellha tgħaddi sabiex issib il-ħtija fl-appellat għar-reat lilu addebitat, mhux le.

Dan billi l-elementi ta’ dan ir-reat jikkonsistu mhux biss f’dik l-imġieba jew dik il-‘course of conduct’ meħtieġa biex jissussistu ir-reati imfassla fis-subinċiżi (1)(a) u (b) ta’l-artikolu 251A tal-Kodiċi Kriminali, iżda ukoll f’dak l-att wieħed
u uniku li jkollu konnotazzjonijiet sesswali “inklużi kliem bil-fomm, mossi u, jew għemil, fejn dak l-att, kliem, jew imġiba mhumiex mixtieqa mill-vittma, u jkunu jistgħu raġonevolemnt jiġu kkunsidrati bħala offensivi, umiljanti, degradanti, u, jew intimidatorji lejha.”

Il-Qorti tal-Appell qalet li ma tistax taqbel mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Ewwel Qorti u tqies illi mill-evidenza ikkumpilata fl-atti huwa li l-anzjan huwa ħati kif mixli. Għaldaqstant, għal dawn il-motivi l-Qorti taqta’ u tiddeċiedi billi tilqa’ l-appell imressqa mill-Avukat Ġenerali, tħassar u tirrevoka s-sentenza appellata u minflok, wara li rat l-Artikoli 251A(1)(e) u 251A(4) tal-Kodiċi Kriminali, issib lil Roger Galea ħati tal-akkuża dedotta kontra tiegħu u tikkundanah għall-perijodu ta’ priġunerija ta’ sitt xhur, dan it-terminu ta’ priġunerija qed jiġi sospiż għall-perijodu ta’ sentejn.

Il-Qorti ordnat ukoll il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Trazzin fil-konfront ta’ Roger Galea favur il-vittma għal zmien sena mid-data tas-sentenza. Il-Qorti wissiet lil ħati bil-konsegwenzi skont il-liġi jekk huwa jikkometti reat ieħor matul il-perijodu operattiv ta’ din is-sentenza, jew jekk jikser l-Ordni tat-Trażżin imposta fuqu. L-Avukat Daniel Attard deher għall-pensjonant.