Aktar kmieni dalgħodu fil-Konkatidral ta’ San Gwann fil-Belt Valletta saret ic-cerimonja liturgika li fiha l-Knisja Maltija iċċelebrat il-festa tal-Epifanija – u l-wasla tat-tliet Slaten Maġi f’Betlem.
Ċerimonja mmexxija mill-Arċisqof Savio Hon Fai-Tai, li matulha ġie ppreżentat bħala n-Nunzju Appostoliku ġdid ta’ Malta. L-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi kkonċelebraw fil-quddiesa.
“Il-festa tal-Epifanija tfakkarna kif aħna l-Kattolici għandna sejħa universali. U bħalma għamlu t-tlett slaten maġi wara li għażlu li jitilqu kollox biex jiltaqgħu ma’ Ġesu’ tarbja…aħna wkoll għandna għażla.”
Hekk stqarr Monsinjur Arcisqof Charles Scicluna meta wassal l-omelija tieghu fil-jum li fih il-Knisja f’pajjizna ccelebrat l-Epifanija.
L-Arċisqof semma kif is-salm responsorjali tal-lum fih tifsira ġdida minħabba li n-Nunzju u l-Kunsillier tan-Nunzjatura Mons. Dennis Kuruppassery ġejjin mil-Lvant, l-istess bħalma t-Tliet Slaten Maġi ġew mil-Lvant biex jiltaqgħu ma’ Alla li ġie fostna bħala tarbija.
Mons. Arċisqof Scicluna żied jgħid: li l-Maġi kellhom quddiemhom tarbija tat-twelid..vulnerabbli u dipendenti. U bħalhom, aħna wkoll illum għandna għażla – jew li nilqgħu lit-tarbija, jew li nwarrbuha.
“Għax it-tarbija tiddependi minna biex tgħix. L-għażla tagħna tkun dik li aħna nilqgħu dan id-don kbir ta’ ħajja, dawl, umanità vera u ferħ.”
Saħaq ukoll li l-festa tal-Epifanija “tfakkarna li aħna Kattoliċi. Għandna sejħa li nkunu parti minn familja li tinsab fid-dinja kollha imma wkoll sejħa għal kull bniedem. Hi sejħa universali biex kull bniedem jiltaqa’ ma’ xi ħadd, mhux ma’ regoli jew kmandamenti. Imma f’laqgħa ta’ mħabba jiltaqa’ mal-Mulej sid il-ħajja”.
Filwaqt li sellem u laqa’ lill-isqfijiet minn Hong Kong, minn Spanja u mill-Indja, l-Arċisqof Scicluna fakkar kif kull nhar ta’ Ħadd il-Knisja tistedinna biex ngħixu il-ferħ tal-Għid il-Kbir.
Fi tmiem il-quddiesa n-Nunzju wassal messaġġ mill-Papa Franġisku:
“Lil kull wieħed u waħda minnkom nixtieq inwassal l-isbaħ xewqat tal-qdusija tiegħu l-Papa Franġisku li għadu jieħu pjaċir bil-memorji sbieħ taż-żjara appostolika s-sena l-oħra.”
Wara rringrazzja lill-Arċisqof Charles Scicluna tal-kliem ta’ merħba kif ukoll talli stiednu jiċċelebra l-quddiesa tal-Epifanija tal-Mulej f’post daqshekk sabiħ u storiku.
Il-wasla tal-Maġi hija festa li tagħlaq il-perjodu tal-Milied, bil-Knsija f’Malta tagħmel din iċ-ċelebrazzjoni fl-eqreb Ħadd tal-jum tas-6 ta’ Jannar – il-ġurnata propja tal-Epifanija.