Fl-aħħar u fl-iktar partita mistennija tal-ġurnata, Milan ġew miżmuma minn Roma b’gowl ta’ Tammy Abraham fl-aħħar minuti li għamel l-iskor 2-2. Milan fetħu l-iskor wara 30 minuta logħob permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Pierre Kalulu minn korner tal-midfielder Sandro Tonali.
Milan irduppjaw l-iskor fis-77 minuta meta Tomaso Pobega għeleb lil Rui Patricio b’xutt fil-baxx minn kontrattakk veloċi tad-difensur laterali Theo Hernandez.
Kontra l-andament tal-logħba Roma sabu gowl fis-87 minuta permezz tad-difensur ċentrali Ibanez, ftit minuti wara l-attakkant Ingliż Tammy Abraham kiseb id-draw meta xeħet ġewwa permezz ta’ daqqa ta’ ras minn żball tal-goalkeeper ta’ Milan Tatarusanu.
F’ġurnata mimlija partiti fil-kampjonat Serie A Taljan, Torino ġew miżmuma minn Salernitana 1-1 barra minn darhom f’partita kumbatutta. Torino komplew il-forma impekkabbli tagħhom fejn ilhom sitt logħbiet bla telfa. Antonio Sanabria fetah l-iskor wara 35 minuta permezz ta’ daqqa ta’ ras minn kross tad-difensur laterali Lazaro.
B’hekk Torino daħlu għal ħin tal-mistrieħ fil-vantaġġ, madankollu Salernitana kisbu d-draw ftit minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima meta Tonny Vilhena skurja gowl il-ġmiel tiegħu b’azzjoni individwali li ntemmet b’konklużjoni spettakolari minn barra l-kaxxa .
Fi Stadio Olimpico, Empoli wetqu rimonta impressjonanti kontra Lazio. Il Biancoceleste ma damux ma marru fil-vantaġġ hekk kif Felipe Anderson sab ix-xibka wara żewġ minuti logħob minn pass ta’ Luis Alberto.
Lazio komplew l-attakki tagħhom fit-tieni taqsima fuq id-difiża ta’ Empoli, fejn irnexxielhom jirduppjaw l-iskor fl-54 minuta permezz ta’ gowl mill-midfielder Mattia Zaccagni.
Kontra kull mistenni Empoli irnexxielhom jiskurjaw gowl fit-83 minuta, meta minn kontrattakk veloċi ta’ Cambiaghi, Francesco Caputo sab ix-xibki b’xutt kalm u preċiż fil-baxx li għeleb lil Provedei.
Ftit sekondi qabel it-tmiem tal-partita, Empoli kisbu d-draw b’mod mirakoluż, meta Razvan Marin għeleb lil Provedei minn barra l-kaxxa wara żball banali tal-awtur ta’ l-ewwel gowl Felipe Anderson.
Il-partita l-oħra bejn Spezia u Lecce fl-Albert Peak Stadium intemmet fi draw ta’ mingħajr gowls, bl-iktar azzjoni denja ta’ nota tasal fit-58 minuta meta Nzola ttanta xortih b’daqqa ta’ ras minn freekick ta’ Bastoni, iżda l-konklużjoni tal-attakkant ma kinitx tajba biżżejjed.
Fil-Luigi Ferraris Stadium Napoli rritornaw għar-rebħ kontra Sampdoria f’partita missielta. Napoli kważi fetħu l-iskor wara 4 minuti logħob meta ingħataw penalty wara azzjoni rregolari fil-kaxxa, madankollu l-goalkeeper Audero salva tajjeb il-konklużjoni ta’ Politano.
Napoli ma damux ma marru fil-vantaġġ wara li fallew il-penalty hekk kif fid-19-il minuta Victor Osimhen sab ix-xibka minn kross preċiż ta’ Marco Rui mix-xellug. Iktar kontroversja hekk kif fit-38 minuta tkeċċa l-midfielder ta’ Sampdoria Tomas Rincon wara li kkometta foul ikrah fuq l-awtur tal-gowl Victor Osimhen.
Lejn l-aħħar tal-partita, Napoli kkonfermaw ir-rebħa tagħhom meta rduppjaw l-iskor permezz ta’ penalty mogħti minn Eljif Elmas.
//= $special ?>