Lokali Parlament

Aġir anti-demokratiku mill-Prim Ministru; il-PN jibqa’ lest għal soluzzjoni dwar il-Kummissarju għall-Istandards

Karol Aquilina, PN

Il-pożizzjoni tal-gvern li jrid bilfors lill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi fil-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards u l-mod kif bidel ir-regoli dwar il-ħatra tiegħu huma anti-demorkatiċi mill-Prim Ministru Robert Abela. Quddiem din is-sitwazzjoni perikoluża għad-demokrazija, l-Oppożizzjoni qed tappella lill-gvern biex jerġa’ jmur madwar il-mejda tad-diskussjoni biex tinstab soluzzjoni.

Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-Prim Ministru gideb fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni u għalhekk kien jistenna li l-Prim Ministru jifhem li meta hu Prim Ministru, hemm affarijiet li jrid jiżgura li jridu jseħħu.

Il-Prim Ministru mhux jifhem ir-responsabbiltà kostituzzjonali tiegħu fejn il-konsultazzjoni għandha tkun intiża biex il-pożizzjoni tan-naħa l-oħra tkun addottta jekk din tkun fl-interess tal-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Prim Ministru ma jifhimx kif issir il-konsultazzjoni u qal li hu inkwetati l-mod kif Robert Abela kisser il-mod kif għandhom jinterixxu l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni quddiem il-konsultazzjonijiet.

Karol Aquilina appella lill-Prim Ministru biex jara kif operaw ex prim ministri oħra quddiem dawn is-sitwazzjonijiet. Il-Prim Ministru qed jirrifjuta li jiddjalogu u jrid li tgħaddi tiegħu biss. Id-demokrazija se taqla’ daqqa kbira jekk dan l-abbozz ikun appovat, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li fl-2017 l-parlament kien approva liġi li kienet proposta tal-PN dwar Kummissarju għall-Istandards.

Din il-liġi kienet sforz li sar minn kumitat li twaqqaf apposta u li għamel din il-liġi waqt li anki tratta l-mod kif jitwaqqaf il-Kumitat għall-Istandards.

Din il-liġi kienet tipprovdi l-ewwel pass għal awtorità lill-Kummissarju għall-Istandards fejn kien hemm qbil li dan ma jinħatarx mill-gvern waħdu iżda jinħatar b’riżoluzzjoni ta’ żewġ terzi tal-parlament.

Dan għax il-Kummissrju għall-Istandards hu maħur biex jinvestiga u jieħu deċiżjonijiet dwar id-deputati u għalhekk ma jistax ikun maħtur biss ill-gvern iżda jrid ikollu l-fiduċja taż-żewġ naħat tal-Kamra.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Prim Ministru għadu jattakka lill-ex Kummissarju għall-Istandards George Hyzler u spjega kif il-liġi kienet taħseb ukoll dwar il-perjodu ta’ ħames snin għall-Kummissarju. Il-kariga ma setgħetx tiġġeded.

Il-Prim Ministru jiżbalja meta jgħid li m’hemmx mekkaniżmu għal żblokk tas-soluzzjoni għaliex il-liġi tgħid li jekk ma tinstabx perusna oħra bi qbil, il-persuna tibqa’ fil-post sakemm jinstab qbil fuq Kummissarju ieħor.

Karol Aquilina qal jekk il-Kummissarju jitneħħa, l-liġi tgħid li għandu jintlaħaq xi ħadd biż-żewġ terzi u anki l-President tar-Repubblika għandu dritt jintervjeni b’ċertu ċirkostanzi.

Il-liġi ma tipprovdix li l-Gvern jista’ jaħtar il-Kummissarju waħdu. Il-liġi tispeċifika wkoll li wara t-tieni jew it-tielet vot, ikunu jistgħu jippropnu persuni oħra għal Kummissarju għall-Istandards. Din mhux jgħidha l-Prim Ministru; propju bl-iskop li l-Kummissarju għall-Istandards ikun tal-għażla tiegħu.

Dan hu abbuż sfaċċat għad-demokrazja, sostna Karol Aquilina, li kompla li l-vakanza fil-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards ma seħħitx għaliex intemm il-perjodu iżda għaliex il-Prim Ministru, għal raġunijiet tiegħu, iddeċieda li jaħtar lil George Hyzler fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri u għalhekk ħoloq vakanza fil-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards.

Dan sar bi skop għaliex kull meta George Hyzler għamel rapporti fuq deputati, segretarji paramentari u ministri, il-Kummissarju kien attakkat anki fil-parlament. Kien hemm anki okkażjonijiet fil-Kumitat għall-Istandards li fihom deputati Laburisti ma jkunux iridu jaddottaw ir-rapporti ta’ George Hyzler.

Kien hemm rewwxita anki fil-kabinet dwar l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Din ir-rewwxita kienet immexxija mill-Prim Ministru innifsu.

Din is-sitwazzjoni kienet diskussa diversi drabi f’laqgħat tal-Kabinet biex George Hyzler ma jibqax jieħu deċiżjonijiet għaliex kienu qed jgħidu li ma jistax ikun li ministri li jinqabdu li għamlu xi ħaġa ħażina jkollhom jirriżenjaw.

Hu qal li fuq l-Omudsman dejjem kien hemm qbil meta nħatru u sostna li dan juri li s-sistema taħdem. Anki fil-karigi ta’ Awditur Ġenerali u Deputat Awditur Ġenerali dejjem kien hemm qbil. Hemm ukoll qbil li l-President ta’ Malta u l-Prim Imħallef jinħatru biż-żewġ terzi.

Dwar il-President, il-prim ministru żbaljat meta jgħid li l-Oppożizzjoni ma riditx li jiddaħħal metodu ta’ żblokk tas-sitwazzjoni jekk ma jintlaħaqx ftehim. Dan għaliex il-pajjiż miexi lejn sitwazzjoni fejn il-President jiddeċiedi skont il-ġudizzji tiegħu. Għalhekk il-President, b’dawn il-funzjonijiet, bilfors fil-ħatra ta’ President irid ikun hemm sistema ta’ approvazzjoni minn żewġ terzi.

L-ewwel President li nħatar b’iktar minn maġġoranza sempliċi kien Geoge Abela fejn il-PN kien ivvota kollu favur din il-ħatra waqt li dakinhar tal-vot, mill-Grupp Parlamentari Laburista, kien hemm min m’attendiex. Fil-ħatra ta’ Marie Lousie Coleiro Preca, il-PN ivvota favur din il-ħatra kif għamel fil-ħatra ta’ George Vella; minkejja li m’hemmx ir-regola taż-żewġ terzi. Il-kwistjoni mhix dwar kuluri politiċi.

L-Oppożizzjoni hi flessibbli f’dawn il-karigi, sostna d-deputat Nazzjonalista, li tkellem ukoll dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef. L-isem tal-Prim Imħallef tal-lum kien suġġerit mill-Oppożizzjoni meta kien hemm il-vakanza tal-Prim Imħallef Silvio Camilleri. Dwar dan kien hemm oġġezzjonijiet kbar mill-gvern anki fuq livell ta’ Kabinet.

Il-Prim Ministru ankra ruħu biss mal-isem tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi għal Kummissarju tal-Istandards. Dan għal skopijiet politiċi fejn il-Prim Ministru qed ibiddel ir-regoli f’nofs il-proċess demokratiku li beda bid-deċiżjonijiet li l-Prim Ministru stess meta neħħa lil George Hyzler. Dan hu ant-demokratiku u abbużiv.

Il-pass li qed iressaq il-Prim Ministru jieħu lis-sistema lura, sostna Karol Aquilina, li kompla li r-raġunijiet għaliex il-Prim Ministru jrid lill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi huma propju dawk li wasslu biex l-Oppożizzjoni qed toġġezzjona għalihom.

Hu qal li l-membri tal-PL stess kienu jgħidu lid-deputati Nazzjonalisti li kien hemm problema fil-qasam tal-ġustizzja fi żmien il-Prim Imħallef Azzopardi.

Il-Prim Ministru jaf x’inhuma r-raġunijiet għaliex il-PN qed jopponi din in-nomina. Robert Abela jrid xi ħadd dgħajjef bħala Kummissarju għall-Istandards; irid xi ħadd li ma jqattax il-blat… irid xi ħadd li ma jqanqalx l-ilmijiet… irid xi ħadd li mhux se jkollu aptit jinvestiga jew ifittex il-verità… irid lil xi ħadd li jista’ jikkontrolla… jrid lil xi ħadd li għandu deal miegħu u li kellu problema miegħu u jrid isolvieha.

Karol Aquilina appella lill-ex Prim Imħallef Joseph Azzopardi biex jinnota li m’hemmx qbil dwar il-kariga tiegħu u li hu fundamentali li jkollu l-appoġġ taż-żewġ naħat tal-Kamra.

Id-deputat Nazzjonalista appellalu biex jikkunsidra li hemm ukoll l-Oppożizzjoni fil-pajjiż u għalhekk jifhem li jagħmel pass lura b’rispett lejn l-ispettru politiku kollu biex b’hekk tinħoloq sitwazzjoni biex tinstab persuna oħra li dwarha jistgħu jaqblu. Karol Aquilina appella lill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi biex jifhem din is-sitwazzjoni u jagħmel deċiżjoni minn jeddu.

Hu appella wkoll lill-Prim Ministru biex meta jrid jiddiskuti biex tinstab soluzzjoni; il-PN hu miftuħ għal kull soluzzjoni.