Lokali

“Esperjenża li se tibqa’ miegħi tul ħajti kollha” – Aaron Azzopardi

Aaron Azzopardi huwa wieħed mis-seba’ abbatini Maltin li kellu x-xorti jieħu sehem fil-funeral tal-Papa Benedittu XVI …. li miet fl-eta’ ta’ 95 sena nhar il-31 ta’ Dicembru li għadda.

Kif spjegalna tajjeb Aaron Azzopardi meta tkellem ma’ Net News … il-preżenza ta’ dawn is-7 l-abbatini kienet ilha pjanata. Għaliex ta’ kull sena jitilgħu gruppi ta’ abbatini miż-żewġ djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex  biex jagħtu servizz f’San Pietru fil-Vatikan.

Filfatt l-esperjenża ta’ dawn l-abbatini Maltin bdiet nhar ġurnata qabel il-mewt tal-Papa Emeritu Benedittu XVI…. iżda li ma kienux jafu huma, hija li din id-darba l-abbatini Maltin kellhom jassistu fil-funeral tal-Papa Emeritu li sar nhar il-Ħamis li għadda.

Meta tkellem ma’ Net News, Aaron Azzopardi, stqarr li għalih dik kienet esperjenża unika u qatt ma basar li se tiġri propju waqt li hu flimkien ma sħabu kienu Ruma … Filfatt Aaron qalilna dan il-jum storiku għall-Knisja Kattolika fejn Papa preżenti mexxa l-quddies funebri ta’ Papa preċedenti …. se tibqa’ miegħu tul ħajtu kollha.

Apparti dan, Aaron stqarr li hija affaxxinanti kemm il-Papa Emeritu Benedittu XVI kellu rispett u kien maħbub. Filfatt hu magħruf li madwar 65,000 persuna rifsu l-għatba tal-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma sabiex isellmu lill-Papa emeritu li kien espost għall-pubbliku mit-Tnejn filogħdu sal-Ħamis, il-ġurnata fejn Papa Benedittu XVI ingħatatlu l-aħħar tislima minn diversi qassissin, Patrijiet, Isqfijiet u eluf ta’ pellegrini u devoti minn madwar id-dinja kollha.

Aaron Azzopardi qalilna li l-preżenza tal-abbatini Maltin kienet ikkoordinata min Monsinjur Dun Frans Bonnici, id-Direttur tal-Għaqda Nazzjonali tal-Abbatini.