L-eks midfielder ta’ Southampton, Tottenham, Real Madrid u tat-tim nazzjonali ta’ Wales, Gareth Bale ħabbar li rtira mill-futbol b’effett immedjat.
Il-ħames darbiet rebbieħ tal-UEFA Champions League qal li l-futbol taħ l-aqwa mumenti ta’ ħajtu u li jkun x’ikun il-futur tiegħu, diffiċli li jkollu l-istess sodisfazzjon bħal dawn l-aħħar 17-il staġun fil-futbol.
L-aħħar dehra kompetittiva ta’ Bale kienet fil-logħba mit-Tazza tad-Dinja bejn l-Ingilterra u Wales mill-fażi tal-gruppi. Ma’ Wales huwa lagħab total ta’ 111-il logħba u skorja 41 gowl.
Bale, li għandu 33 sena, beda l-karriera ma’ Southampton qabel ma mbagħad ingħaqad ma’ Tottenham fejn f’żewġ esperjenzi differenti lagħab total ta’ 166 logħba u skorja 53 gowl.
Fl-istaġun 2013-2014 ingħaqad ma’ Real Madrid u f’disa’ staguni lagħab 176 logħba u skorja 81 gowl. Matul dan il-perjodu fost oħrajn rebaħ hames darbiet iċ-Champions League u tliet darbuet Il-kampjonat La Liga.
F’Ġunju li għadda Bale iffirma ma’ Los Angeles FC u lagħab 12-il darba fejn ta kontribut għar-rebħ tal-ewwel MLS Cup fl-istorja tal-klabb.