Lokali Mużika

Ħdejja – The Travellers iħabbru kanzunetta ġdida

Tibżax tkun min int u ħalli s-soċjeta’ tgħid li trid.

The Travellers qed jippjanaw li joħorġu diska ġdida bl-isem: Ħdejja, il-vidjow mużikali se joħroġ fis-16 ta’ Jannar li ġej.

X’lest tagħmel għall-imħabba? Fuq kollox, l-imħabba eżattament x’inhi? Hija biżżejjed? Il-ħajja kkumplikata u l-karattri ta’ kull ġrajja ta’ mħabba huma kumplessi, diversi u bi ħtiġijiet differenti.

Nixtiequ nirċievu iżda wkoll nagħtu lura. Nixtiequ ngħallmu iżda wkoll niġu mgħallma. Fuq kollox nixtiequ li ngħixu fil-paċi, f’serenità u fl-imħabba fid-definizzjonijiet kollha tagħha. Kulħadd bil-ħtiġijiet emottivi tiegħu u allura kulħadd jiddefinixxi hu għalih l-imħabba x’inhi.

Is-sofferenza mhux dejjem tidher. Is-soċjetà għallmitna nuru biss is-sabiħ. Għallmitna npinġu kollox fl-isbaħ dawl possibli waqt li nwarrbu dak li fil-verità nħossu f’qiegħ qalbna. Is-solitudni ankè f’relazzjonijiet hija realtà li mhux kulħadd huwa kuraġġuż biżżejjed biex jammettiha u bir-raġun għax is-soċjetà hekk għallmitna.

Kulħadd immarkat b’esperjenzi varji li kollha jħallu l-marka tagħhom fuqna għal tul is-snin, li jagħmlu dawn il-ħsibijiet pjuttost astratti. Iżda fuq punt biss naf li hemm ċertezza – li kulħadd jixraqlu jkun maħbub għal dak li hu. Tibżax tkun min int u ħalli s-soċjetà tgħid li trid.