Il-Mexxejja tad-dinja ikkundannaw is-sensiela ta’ rvellijiet fil-kapitali tal-Brażil li xukkjaw lill-poplu u li daħħlu element ġdid ta’ tensjoni politika f’dan il-pajjiż Latin Amerikan.
Is-sostenituri tal-eks President estremista Brażiljan, Jair Bolsonaro, matul il-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn, assedjaw lill-kumplessi tal-Gvern ċentrali fi Brasilia fejn fakkru fl-irvellijiet tal-2021 mis-sostenituri tal-eks President Amerikan Donald Trump fiz-zona ta’ Washington li tinkludi lill-Gvern ċentrali tal-Istati Uniti.
Fl-aħħar sigħat, l-eluf tas-sostenituri ta’ Bolsonaro — li bl-ebda mod ma jrid jaċċetta l-fatt li tilef l-elezzjoni Presidenzjali kontra l-kandidat tax-xellug ( u President ġdid) Luiz Inacio Lula da Silva – daħlu fil-bini tal-Kungress fejn kissru kulma sabu quddiemhom.
L-istess sostenituri anki daħlu bil-forza fil-Kamra fejn jiltaqa’ is-Senat kif ukoll fil-Palazz Presidenzjali u fil-bini tal-Qorti Suprema fi Brasilia.
Fl-aħħar sigħat kienu arrestati l-mijiet tan-nies li kellhom sehem f’dan l-inkwiet, bil-President da Silva jagħmilha ċara li s-sostenituri radikali ta’ Bolsonaro se jieħdu li ħaqqhom skont il-liġi tal-Ġustizzja. Dan wara li l-Pulizija Ċivili fi Brasilia reġgħu ħadu l-kontroll tal-bini tal-Amministrazzjoni wara l-konfronti mad-dimostranti li damu għal sigħat.
Diversi kontinġenti tal-pulizija armati bħalissa qed jinġabru barra kamp ewlieni għas-sostenituri ta’ Bolsonaro. Dan il-kamp hu wieħed biss minn diversi kampijiet li waqqfu l-istess sostenituri u issa, Imħallef mal-Qorti Suprema Brażiljana ħareġ direttiva biex il-pulizija żżarma dawn il-kampijiet li jinsabu barra l-kwartieri tal-Armata fi Brasilia u f’siti oħrajn tal-pajjiż.
Fl-aħħar sigħat ukoll, Ibaneis Rocha tneħħa minn Gvernatur ta’ Brasilia għal 90 jum fuq direttiva tal-Qorti Suprema Brażiljana li akkużatu talli naqas bil-kbir milli jevita l-irvellijiet u talli hu kien baqa’ sieket fid-dawl tal-kriżi.
Min-naħa tiegħu. Rocha, talab skuża għal din il-kriżi politika anki waqt li l-mexxejja u l-gruppi tax-xellug madwar il-Brażil kienu qed jorganizzaw sensiela ta’ rallies u dimostrazzjonijiet favur il-Gvern ta’ da Silva u favur id-demokrazija.
Javier Bolsonaro, magħruf bħala id-‘Donald Trump tal-Brażil’, kien dam is-snin jimplimenta politika estremista tal-lemin f’pajjiżu qabel tilef l-elezzjoni Presidenzjali tas-sena l-oħra. Bolsonaro – l-istess bħalma kien għamel Trump — għadu sallum jinsisti li l-proċess tal-votazzjoni kienet imbagħbsa kontra tiegħu u għaldaqstant, l-eluf tas-sostenituri tiegħu qegħdin jirrifjutaw li jaċċettaw ir-riżultat.
Il-President Lula da Silva, issa, qed jakkuża direttament lil Bolsonaro dwar ‘l-inċitament għall-irvellijiet;’ bl-eks President jiċħad l-akkużi anki jekk ammetta li l-aħħar żviluppi xokkanti fi Brażilja ‘qabżu l-limiti ta’ protesta demokratika’.
Sadanittant, l-istqarrijiet ta’ kundanna dwar dak li qed iseħħ fil-Brażil komplew deħlin, bil-President tal-Istati Uniti Joe Biden ifisser l-iżviluppi bħala ‘ta’ stmerrija’, u bil-Prim Ministru tar-Renju Unit, Rishi Sunak, jesprimi l-inkwiet tiegħu dwar dan ‘l-attakk fuq id-demokrazija’.
//= $special ?>