Lokali

Il-Gvern jibqa’ jżomm kollox mistur dwar l-emenda tal-abort

Il-Gvern ta’ Robert Abela għadu sal-lum qed jaħbi l-bidliet li suppost se jagħmel fl-emenda li se twitti t-triq biex jidħol l-abort f’pajjina. Dan apparti li sa issa għad m’hemmx data meta se jitlaqqa’ l-kumitat parlamentari li se jiddiskuti din l-emenda fil-Kodici Kriminali.

Wara li l-ġimgħa li għaddiet il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qabad u ħabbar li l-Gvern kien se jbiddel partijiet mill-kliem fl-emenda dwar l-abort… kellna biss skiet totali  min-naħa tal-Prim Ministr Robert Abela; fost rapport li fl-aħħar jiem kien hemm laqgħa imqanqla tal-Grupp Parlamentari Laburista dwar dan is-suġġett tant sensittiv.

Jidher li issa, permezz ta’ dan it-tibdil fil-kliem, se jingħata lok li jista’ jsir abort sakemm it-tarbija fil-ġuf ikollha inqas minn 24 ġimgħa.  

Dwar din il-kontroversja kollha saqsejna lill-Ministru Miriam Dalli, illi ikkonfermatilna li l-Grupp Parlamentari Laburista tlaqqa’ u ddiskuta l-emenda.

Mistoqsija għala l-Gvern għadu ma ħabbarx data meta din l-emenda se tkun diskussa bil-Parlament, Miriam Dalli baqghet ma tirrispondix ….u qalet biss li, skont hi, il-Gvern dejjem kien tranparenti.

Kuntrarju għal Miriam Dalli…il-Ministru Owen Bonnici għażel li jżomm fommu sieket u ma qalx jekk din l-emeda kinitx diskussa fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista. Laqgha li skont informazzjoni li kiseb Net News kienet waħda imqanqla sew, fejn diversi deputati irrabjaw għall-fatt li Robert Abela baqa’ għaddej waħdu fuq il-pariri ta’ Cyrus Engerer u Randolph Debattista.

Fl-aħħar jiem, bosta urew it-tħassib tagħhom għall-fatt li kien id-Deputat Mexxej Laburista Chris Fearne li ħabbar li se jkun hemm tibdil fil-kliem ta’ din l-emenda, u mhux il-Prim Ministru nnifsu jew inkella l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard li propju huwa l-Ministru reponsabbli meta jkun hemm tibdil fil-kodiċi kriminali.