Lokali Saħħa

Il-Gvern jikkonferma li hawn problema kbira ta’ mediċini out of stock – PN

Ftit tas-sigħat ilu, is-sit uffiċjali tal-Ministeru tas-Saħħa ppubblika l-lista tal-mediċini out of stock wara li l-Gvern naqas milli jagħmel dan għal xagħrejn sħaħ.

Dan intqal fi stqarrija tad-Deputati Nazzjonalisti Stephen Spiteri, Ian Vassallo u Claudette Buttigieg.

Fil-fatt, l-aħħar lista ppublikata kienet fis-7 ta’ Novembru li għadda.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif il-lista ppubblikata llum tagħtih raġun: hawn problema serja ta’ mediċini out of stock.

Fil-fatt, din il-lista turi li hemm mill-anqas 22 mediċina out of stock, li tmienja minnhom ilhom neqsin għal diversi xhur.
Il-lista turi wkoll li din il-problema se tkompli fix-xhur li ġejjin għax il-Gvern mhux f’pożizzjoni li jgħid meta se jsolviha. Minflok, fil-maġġoranza tal-każi ta’ mediċini indikati bħala out of stock, il-Gvern qed iwaħħal fil-kuntratturi.

Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jippubblika wkoll il-lista ta’ dawk il-mediċini li għalkemm mhux indikati bħala out of stock, xorta hemm stock baxx tagħhom.

B’hekk, l-importaturi tal-mediċini jkunu jistgħu jgħinu lill-Gvern biex isib dawn il-mediċini u jagħmlu dan fl-immedjat minflok ma jistennew li ma jkunx hawn mediċini qabel ma jieħu azzjoni