Il-parlament sellem lill-ex deputat Laburista Silvio Parnis li miet fl-aħħar ġranet u sellimlu bħala politiku li wettaq ħidma kbira fis-settur soċjali.
F’din it-tislima tkellmu l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Prim Ministru Robert Abela, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, il-Ministru Julia Farrugia Portelli, id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, il-Ministru Jonathan Attard u d-deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech m’attendiex għal din is-seduta minħabba l-mewt ta’ ommu.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li Silvio Parnis kien elett għall-ewwel darba fl-1997 u spjega kif kien jgħin lil kulħadd, irrispettivament mill-kulur politiku. Silvio Parnis baqa’ sal-aħħar jinkwieta fuq in-nies u dejjem ried ir-riżultati dwar kif se jkunu mgħejjuna n-nies.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Silvio Parnis kien altruwistà u kien disponibbli għal kulħadd anki bil-lejl u sostna li Silvio Parnis kellu politika viċin in-nies li l-politiċi għandhom jimitaw.
Il-Prim Ministru qal li Silvio Parnis kien jesprimi dak li kien jemmen u kellu fehema soda. Hu kompla li qabel l-2017 Silvio Parnis reġa’ wera li meta kellu huma fuq suġġetti partikolari ma kellux diffikultà li jesmprimiha anki jekk iħallas prezz politiku biex jesprimi dak li jemmen fih. Fl-2019 meta saru bidliet fil-PL, Silvio Parnis kien isostni biex ma jaqtax qalbu u jħalli f’idejn Alla.
Robert Abela kompla li Silvio Parnis baqa’ dejjem pożittiv minkejja l-marda li kellu. Silvio Parnis kellu lealtà assoluta, sostna l-Prim Ministru, li qal li minkejja li kellu diżappunt, Silvio Parnis xorta ħadem qatigħ fuq il-persuni li kellhom diffikultà biex joħorġu jivvutaw għall-PL.
Il-Prim Ministru qal li Silvio Parnis kien inkwetat li ma setax isuq minħabba l-marda u kien inkwetat x’se jiġri minn martu u wliedu jekk jitlef il-ġlieda mal-marda. Hu qal li l-gvern kien se jżomm il-kelma li ta lil Silvio Parnis li jibqa’ mal-familja tiegħu.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li f’isem il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Oppożizzjoni kollha, irid jagħti l-kondoljanzi lill-familja ta’ Silvio Parnis. Hu sostna li Silvio Parnis kellu għal qalbu l-kunsilli lokali u kien il-politiku ideali biex jiddiskuti l-proposti għaliex kien jisma’ u jipprova jifhem x’qed tgħid l-Oppożizzjoni.
Robert Cutajar appella biex il-parlament juri iktar maturità kif għamel Silvio Parnis fil-kunċett tal-kunsilli lokali u f’kull ċirkostanza ta’ konsultazzjoni bejn Gvern u Oppożizzjoni.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qal li n-nies kienet tħobb lil Silvio Parnis għaliex għalih l-anzjani kellhom valur kbir. Hi sostniet li Silvio Parnis kien jinkwieta li l-anzjani jispiċċaw fis-solitudni. Fl-aħħar sentejn kien hemm ħafna element ta’ toqol u piż fil-messaġġi li kien jibgħatlu Silvio, sostniet il-Ministru Farrugia Portelli, li qalet li għal Silvio Parnis il-politika kienet biss mezz kien jgħin.
Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li kellu l-istess prinċipji bħal ta’ Silvio Parnis għaż-żgħir, il-valur tal-ħajja u li jkunu kattoliċi. Hu sostna li Silvio Parnis kien għadda minn diffikultajiet meta spiċċa mill-politika u żied li Silvio Parnis kien tah ħbiberija fl-abbandun.
Ivan Bartolo qal li Silvio Parnis għamel il-politika ħajtu b’servizz għall-poplu u hu sinonimu mal-ġustizzja soċjali.
Il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard qal li Silvio Parnis kien ħabib kbir tiegħu u jinsab sodisfatt li l-politika sempliċi iżda effettiva ta’ Silvio Parnis se tkun qed tikkontribwixxi għad-dibattitu dwar is-sistema elettorali.
Id-deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi qal li Silvio Parnis kien bniedem ta identità, ta’ missjoni u ta’ karattur; kien politiku veru. Silvio Parnis twieled politiku u l-politika kienet parti minnu, sostna Charles Azzopardi, li kompla li Silvio Parnis għaraf dak li kellhom bżonn in-nies. Hu kompla li Silvio Parnis kien karattru speċjali, bata fil-politika u kien ħabib ta’ kulħadd.
Silvio Parnis kien bniedem li għamel missjoni fil-politika, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li Silvio Parnis emmen fi-batut, fil-vulnerabbli u fiż-żgħir. Il-poter m’għandux jitla’ għal rasna, appella Charles Azzopardi, li sostna li Silvio Parnis tnaqqax fil-qlub ta’ kulħadd.
//= $special ?>