Lokali Qorti

Jgħid li l-każ ta’ stupru kien tat-twerwir b’leħen tax-xitan jagħti l-ordnijiet

L-Ispettur Eman Hayman qal li l-każ ta’ stupru fuq omm it-tfajla li kien joħroġ magħha l-akkużat u atti sesswali li kienu qegħdin iseħħu f’Marsaskala kienu tat-twerwir fejn mill-investigazzjoni li huwa għamel irriżulta li l-akkużat kien jagħmel ilħna tax-xitan u jagħti l-ordnijiet biex isiru atti sesswali.

Dan ħareġ fix-xhieda li ta l-Ispettur Eman Hayman meta t-Tnejn filgħodu żagħżugħ ta’ 22 sena minn Bormla, li ismu ma jistax jissemma’ fuq ordni tal-Qorti beda għaddej quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera f’każ allegat xokkanti fejn huwa qed jiġi mixli li stupra lill-omm it-tfajla tiegħu kif ukoll li ġiegħel lilha u lil bintha jwettqu atti sesswali kontra r-rieda tagħhom. Il-ġuri qed isir bla ġurati.

L-Ispettur Hayman qal li l-Pulizija ġiet infurmata bl-allegati reati minn żewġ ‘social workers’ u ġiet infurmata, dwar moħqrija, swat u umiljazzjonijiet, allegatament imwettqa miiż-żagħżugħ fuq is-sieħba tiegħu u fuq ommha, b’din tal-aħħar allegatament stuprata mill-akkużat.

L-għada li seħħ il-każ, fit-30 ta’ Jannar 2019, meta interrogat minnu, l-akkużat semma’ li fid-dar fejn seħħew l-allegati reati kien jinstema’ leħen oħxon ta’ xitan li kien qed jagħti l-ordnijiet biex isiru l-umiljazzjonijiet sesswali. L-imputat qallu li għandu rispett kbir għall-allegati vittmi. Qal, li d-dar kienet waħda tat-twerwir.

Ix-xhud qal li kien nifurmat, li omm is-sieħba tiegħu kienet iddaħħlet għall-kura fl-Isptar Monte Karmeli wara li belgħet ammont ta’ pilloli minħabba dak li kien qed jiġri fid-dar. Il-Pulizija kienet reġgħet kellmet lill-akkużat fis-7 ta’ Frar tal-2019.

Ix-xhud qal li l-imputat kien insista li ġie arrestat għalxejn għax qal li m’għamel xejn milli ġie mixli bih. Tenna li kien nnota rwejjaħ ta’ telqa kbira u t’għeluq fir-residenza, u li fid-dar, ra ‘ouija board’ (oġġett innumerat li jintuża għall-ispirti fl-okkult) imma ma ġabarhiex. Fost l-affarijiet li ġabar għall-evidenza, kien hemm xkupi li huwa ra.

It-tfajla tal-akkużat, qaltlu qal Hayman, li x-xitan kien fl-akkużat, għax kienet tisma’ l-leħen oħxon kull darba li kien ikun id-dar. L-allegata vittma qaltlu wkoll li l-imputat darba ordnalha tirrekordja lil ommha u lil missierha jagħmlu s-sess. Dan, qalilha, “b’ordni tax-xitan.”

Is-sieħba tal-imputat qaltlu wkoll li għamlet xi żmien toqgħod għand nannuha għax ommha kienet tqabbadha l-ansjetà bl-attitudni tagħha. Jikkonferma, li ommha qaltlu li kellha problemi ta’ infedeltà ma’ żewġha. Dawn l-allegati reati saru fid-dar tal-omm ġewwa Marsascala, l-akkuża tgħid li r-reati seħħew fid-29 ta’ Jannar tal-2019 u fix-xhur ta’ qabel.

Iż-żagħżugħ li meta wettaq l-allegat reati kellu 18-il sena qed jiġi mixli li wettaq strupru fuq mara vulnerabbli, li wettaq atti sesswali u vjolenti fil-konfront tagħha u ta’ bintha, li ssekwestrahom kontra r-rieda tagħhom u li ġiegħelhom iwettqu atti li jmorru kontra d-diċenza tagħhom u li kkaġunalhom feriti ħfief.

Huwa qed jiġi akkużat ukoll li kkaġuna lil oħt it-tfajla tiegħu u lil ommha minn biża ta’ vjolenza u li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ tfajla ta’ 15-il sena fl-istess familja, li kienet it-tfajla tiegħu. L-akkużat li għalih qed jidher l-Avukat Mario Mifsud qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih.

Il-Prosekuzzjoni kienet qalet waqt il-kumpilazzjoni li l-Pulizija ġew ikkuntattjati mit-tfajla tal-akkużat li kienet ilha tgħix, flimkien mal-akkużat, fid-dar ta’ ommha sa minn Diċembru tal-2018. Hija ilmentat li l-akkużat kien jittrattaha ħażin b’mod vjolenti.

L-Ispettur Eman Hayman qal li l-omm għandha passatemp li tipprattika l-okkult. Il-kontroll kien iseħħ għax l-akkużat kien jigħidilha li fetħet il-bieb lix-xitan. Huwa kien ħa vantaġġ minnha. Kien juża vuċi partikolari. Dan kollu sar biex jissodisfa l-fantasiji sesswali tiegħu. Kien jimmanipula lill-mara, billi jagħtiha kull tip ta’ ordnijiet, li jvarjaw mis-sempliċi sas-sesswali.

“Saħansitra  kien jagħti ordnijiet lit-tifla biex tagħmel sess ma’ ommha,” kien qal l-Ispettur. “F’okkażjoni minnhom kien ordna lit-tifla biex tippenetra lil ommha b’oġġett, iżda t-tifla ma setgħetx u għalhekk dan l-att għamlu hu stess,” kien qal l-Ispettur.

Skont il-Prosekuzzjoni f’okkażjoni minnhom it-tfajla tiegħu kienu servew kwantita’ ta’ inbid u whiskey lill-omm u oħt it-tfajla tiegħu, u l-għada filgħodu t-tfajla stenbħet fi ħwejjeġ differenti u mingħajr ħwejjeġ ta’ taħt fuqha.

L-akkużat u t-tfajla tiegħu qalulha li kienet irremettiet, u huma kienu neħħewlha ħwejjiġha, ħasluha, ħaslulha xagħarha u ddieħku biha. Fil-ġranet sussegwenti l-iddeċieda li jaċċentwa l-biża’ u permezz ta’ intriċċi, ta aktar ordnijiet lil omm u lil bintha (oħt it-tfajla tiegħu). Taħt il-mantra ta’ spirtu, kien jiddeċiedi jekk l-ordnijet kienux ġew esegwiti kif ried, u wara bl-użu ta’ pressjoni mhux kif imiss u b’qerq, kien jippenaliżahom u jsawwathom fid-dlam bi frostin waqt il-ħin ta’ l-irqad.

L-akkużat, dejjem skont il-Prosekuzzjoni ma damx ma rrealiżża li ladarba kien stabilixxa din id-dominanza qarrieqa tiegħu fuq din il-familja vulnerabbli, huwa seta’ juża dan il-fatt sabiex jissodisfa l-fantasiji sesswali tiegħu. Matul kien jikkmandhom sabiex ineħħu ħwejjiġhom u jirrakontaw l-esperjenzi sesswali.

Kien ukoll jikkmandahom biex jimteddu rashom l-isfel u jgħidu l-Att tal-Indiema waqt li tefalhom ilma kiesaħ silġ fuq darhom fil-bruda li x-xahar ta’ Jannar iġib miegħu. Ordnalhom u bit-twerwir ġielhom, jagħmlu atti sesswali mhux kunsenswali. Dan kollu seħħ meta huwa kien fl-istess kamra mat-tfajla tiegħu minorenni, minn fejn hija setgħet tosserva u tisma’ kollox.

Il-vittma kienet temmen ħafna fl-okkult

L-Ispettur Hayman spjega l-‘background’ tal-omm vittma lill-Qorti. Qal li l-mara kellha twemmin okkult qawwi u twil u spiss kienet tuża pupi ‘voodoo’, vireg taż-żfin u tieħu sehem fi prattiċi okkulti oħra. “Hija kienet ilha tagħmel dan għal 10 snin imma l-ebda demonju qatt kien kellimha. Sakemm daħal l-akkużat, jiġifieri.”

Eżorċista kien qal lill-Qorti tal-Maġistrati li fil-fehma tiegħu, il-mara kellha bżonn l-għajnuna psikoloġika aktar milli l-eżorċiżmu iżda kienet iċċelebrat quddiesa fid-dar biex ittaffi l-biżgħat tagħha, żied jgħid l-Ispettur. Sussegwentement l-akkużat ġie arrestat u ngħata d-drittijiet tiegħu.

Meta l-Pulizija eskortawh id-dar biex josservaw it-tfittxija, l-akkużat kien beda jħawwad u qal li kien imwerwer mix-xitan. Il-Pulizija kienu kkalmawh u mbagħad ipproċedew biex iwettqu t-tfittxija. “Fil-kamra fejn kien jorqod l-akkużat, ma kien hemm xejn. L-ebda PlayStation, xejn. Jien kont staqsejt lill-akkużat dwar dan u qal li kien neħħieh fuq talba tax-xitan,” qal l-Ispettur Hayman.

Tenna li ġew maqbuda tal-inqas seba’ xkupi u moppijiet u dawn ġew mogħddija lill-esperti forensiċi. L-Ispettur Hayman qal li dak iż-żmien kien ħa d-deċiżjoni li ma jitlobx għall-inkjesta Maġisterjali. “Ma tlabtx inkjesta għax kelli diffikultà biex nidentifika x’provi se nitlob lill-Maġistrat inkwirenti biex jiġbor. Jien ħadt dik id-deċiżjoni.

“Il-Vice Squad” kienet avżatni li kien hemm raġunijiet għal akkużi, madankollu,” qal Hayman, filwaqt li żied li hu kien talab ukoll parir mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-akkużat kien ġie interrogat fil-preżenza tal-avukat tiegħu dak iż-żmien, Jason Azzopardi.

L-Ispettur Hayman fakkar li l-akkużat kien jilgħab il-futbol u kien tajjeb ħafna biex jagħmel ‘trick shots’ jolqtu l-lasta l-wieqfa, xi ħaġa diffiċli ħafna. Il-kowċ tal-futbol tiegħu kien qal lill-Pulizija li l-akkużat ma attenda l-ebda attività sportiva jew taħriġ minn meta l-vittma iż-żgħira bdiet tgħix miegħu.

Omm l-akkużat kienet spiċċat Monte Carmeli wara li ppruvat tikkommetti suwiċidju b’doża eċċessiva ta’ pilloli. L-omm ma setgħetx tlaħħaq mat-turment, qal l-Ispettur. Aktar tard induna li l-akkużat kien qed jagħmel il-vuċi ħoxna kompla x-xhud.

Atti sesswali mwettqa mill-omm u t-tifla fuq ordnijiet tal-akkużat

It-tifla kienet inizjalment emmnet bis-sħiħ it-talbiet tal-akkużat, iżda aktar tard kienet innotat li l-vuċi demonika ma kinitx tinstema’ titkellem meta ma hu ma jkunx hemm. It-tfajla kienet innotat li l-vuċi demonika kienet tuża l-istess figuri ta’ diskors bħal dawk użati mill-akkużat, żied jgħid l-Ispettur.

Fl-ewwel stqarrija tiegħu, l-akkużat kien irrikonoxxa li ‘xi affarijiet’ saru meta kien preżenti, iżda ċaħad li l-vuċi kienet tiegħu, spjega x-xhud. Qal li l-akkużat eventwalment aċċetta li kien hemm vuċi, iżda kien ċaħad li kien hu. L-akkużat kien ċaħad ukoll l-allegazzjonijiet ta’ vjolenza u abbuż sesswali.

Meta wieġeb mistoqsija li saret mill-Imħallef Scerri Herrera, l-Ispettur ikkonferma li kien hemm ukoll atti sesswali mwettqa mill-omm u t-tifla fuq ordnijiet tal-akkużat. Il-pulizija kienet intweriet filmat pornografiku tal-ġenituri tat-tifla fuq il-mowbajl tat-tifla. Kopja diġitali sħiħ tal-apparat ġie estratt aktar tard minn espert tal-Pulizija u ġie esebit fl-atti qal l-Ispettur.

L-imħallef staqsiet lix-xhud għaliex ix-xhieda tal-missier ma kinitx irreġistrata fil-kumpilazzjoni tal-provi. “Kien hemm żmien li ma stajtx insegwih. Meta fl-aħħar sibnieh, huwa qal li kien se jiġi ordnat joħroġ mid-dar mill-vuċi demonika qabel ma sseħħ xi azzjoni, minbarra l-filmat tas-sess.”

Lanqas il-Pulizija ma setgħu jintraċċaw lill-ħabib tal-familja msemmi mid-difiża, qal l-Ispettur, li kkonferma wkoll li n-nannu ma kienx mitlub jixhed lanqas waqt il-kumpilazzjoni tal-provi. Kontro-eżaminat mill-Avukat Mifsud, l-Ispettur qal li kien biss riċentamentli kien beda l-karriera tiegħu fil-Pulizija fiż-żmien li investiga l-każ.

L-avukat issuġġerixxa li l-AĠ ma kienx ġie kkonsultat dwar l-inkjesta. L-Ispettur ikkonferma li kien ikkonsulta mal-AĠ biss fil-ħin tat-tressiq tal-akkużat. Saħaq lix-xhud għaliex ma ntalbet l-ebda inkjesta maġisterjali. “Ma ħassejtx li għandi ndejjaq Maġistrat fuq xi ħaġa li ma kinitx daqshekk ċara,” wieġeb l-Ispettur.

L-Avukat Mifsud staqsa jekk l-Ispettur kienx ħass il-ħtieġa li jiġbor aktar provi minn xkupi, bħal recorder li ssemma mill-omm. L-Ispettur Hayman qal li kien iltaqa’ ma’ ‘ouija board’ iżda din ma kentix maqbuda minnu. Lanqas marki tas-swaba’ ma nġabru mis-‘circuit breaker’ tad-dar biex jiġi stabbilit min kien jitfiha. “Kien ikun inutli,” wieġeb l-Ispettur.

Huwa rrikonoxxa li l-ewwel interrogazzjoni ma ġietx irrekordjata fuq filmat, iżda qal li l-iżvelar kien ingħata lill-akkużat qabel it-tieni interrogazzjoni. L-iżvelar attwali tal-evidenza ma ġiex irreġistrat fuq vidjo, madankollu. “Jien tajt l-iżvelar kollu imma ma rreġistrajtx l-għoti ta’ żvelar fuq tejp. Lanqas illum.”

L-avukat irrimarka li qassis Sataniku, li kien se jagħmel servizzi ta’ xorti għall-omm, ma kienx tkellem mill-Pulizija, minkejja li kien identifikat. Mifsud issuġġerixxa li l-Pulizija la kellmu mal-missier, u lanqas man-nannu

Kien isawwat lit-tfajla u lil ommha

Xhud ieħor li nvestigat il-każ kienet l-Ispettur Oriana Spiteri li qalet li ż-żagħżugħ kien jagħmel leħen qisu ta’ dimonju. Allegatament, kien jordna lit-tfajla u lil ommha jagħmlu affarijiet kontra r-rieda tagħhom u kien anki jsawwathom. It-tfajla tal-imputat tallega, li fost l-oħrajn, is-sieħeb tagħha ordnalha tpoġġi lil ommha għarwiena fuq mejda u ddaħlilha lasta ta’ xkupa fil-parti privata tagħha.

Ix-xhud qalet ukoll li darba minnhom f’nofs ta’ lejl, l-akkużat allegatament ordna lit-tfajla u lil ommha biex jinżgħu u joqogħdu jirrakkuntaw stejjer tal-imgħoddi. Imbagħad, ordnalhom jimteddu sidirhom mal-art u jgħidu l-Att tal-Indiema għal diversi drabi.

Darb’oħra, it-tfajla nfurmata, li qalilhom jorqdu mxarbin bil-fann mixgħul u li fl-istess dar, saret quddiesa minn eżorċista. L-Avukati Kaylie Bonett u Francesco Refalo qed immexxu l-Prosekuzzjoni. L-Avukat  Lara Dimitrijevic qed tidher bħala parte civile fil-ġuri.