Lokali Qorti

Jibdew għaddejjin ġuri akkużati li qatlu lil Sion Grech b’madwar 17-il daqqa ta’ sikkina fl-2005

Il-Libjan Ismael Habesh u t-Tuneżin Faical Mahouachi bdew għaddejjin ġuri quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja akkużati bil-qtil ta’ Simon Grech, magħrufa l-aktar bħala Sion, f’April tal-2005. Huma qed jiġu akkużati li qatlu lil Grech – li kienet mara transgender – b’madwar 17-il daqqa ta’ sikkina. Il-feriti kienu kkonċentati l-aktar li fl-għonq u s-sider, bil-vittma tinqatel f’għalqa fil-Marsa.

Habesh ta; 52 sena u Mahouachi ta’ 55 sena, qed jiġu akkużati bil-qtil volontarju ta’ Grech, il-pussess ta’ arma tan-nar waqt ir-reat u l-ġarr ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja u fil-każ ta’ Habesh li wettaq il-qtil meta saq karozza li kien parteċipi fis-serq tagħha. Fil-fatt Habesh qed jiġi akkużat li rċieva oġġetti misruqa b’rabta mal-karozza Ford Escort li ntużat biex hu u Mahouachi, jmorru ħdejn Grech, li bla ħajja.

Il-ġuri huwa kompost minn disa’ membri, ħames nisa u erba’ rġiel fejn huma 62 xhud li rċevew riferta biex jixhdu. Fil-bidu l-Prosekuzzjoni nfurmat lill-Qorti li l-familja tal-vittma xtaqet li l-ġuri jsir bil-bibien magħluqa imma d-Difiża rrispondiet li l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-Qorti tal-Maġistrati sar fil-pubbliku, u hawn l-Imħallef qal li ma hemmx bażi legali biex il-ġuri jsir bil-magħluq.

L-Imħallef Aaron Bugeja fl-indirizz tiegħu lill-ġurati talabhom biex jikkunsidraw il-fatti tal-każ u xejn anqas jew aktar. Sostna li kulħadd huwa ugwali quddiem il-liġi u fakkarhom li kull persuna għandha titqies bħala innoċenti sakemm tinstab ħatja. Żied li l-akkużati għandhom id-dritt li jibqgħu siekta biex ma jinkriminawx ruħhom u m’għandhomx jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom jekk jagħmlu dan u li l-Prosekuzzjoni trid tagħti prova ċara.

Simon Grech, li kienet fix-xogħol tal-prostituzzjoni kellha 20 sena meta nqatlet. Kienet ġiet rrappurtata nieqes fil-5 ta’ April 2005, bil-katavru jinstab f’għalqa fil-Marsa ġimgħa wara. Fl-awtopsja ġie żvelat li Grech sofra madwar 17-il daqqa ta’ sikkina.

Il-prostituzzjoni kienet issir minħabba l-vizzju tad-droga li kellha l-vittma li kienet ukoll f’relazzjoni ma’ Habesh. Habesh kien vjolenti lejn Grech u ta’ spiss kien jiġġieled magħha fuq kwistjonijiet ta’ droga u flus. Ħareġ ukoll li fil-ġurnata tal-qtil, Habesh u Mahouachi kienu saqu lejn il-Marsa fejn kienu jafu li Grech kienet tkun.

Qabel il-qtil Habesh beda jargumenta mal-vittma dwar id-droga qabel ma qabadha minn xagħara, sabbatha mal-art u beda jsawwatha. Wara, il-katavru tħalla f’għalqa qabel ma nstab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni fit-13 ta’ April qalb xi ħaxix.

Meta seħħ il-qtil, l-għajnuna tal-avukat għal min jiġi arrestat ma kinitx dritt awtomatiku u dan id-dritt daħal fis-seħħ fl-2010. Infatti, il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali biex sitta minn seba’ dikjarazzjonijiet jiġu ddikjarati inammissibbli.

l-avukat Anthony Vella li flimkien mal-avukat Abigail Caruana Vella qed jirrapreżentaw l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali bdew jindirizzaw lill-ġurati wara nofs inhar biex jispjegaw il-każ tagħhom. L-Avukat Vella qal li fil-5 ta’ April Sion Grech kienet qed tittlajja għal skopijiet ta’ prostituzzjoni.

Waqfet karozza ħdejha li kien fiha liż-żewġ akkużati. L-ewwel ma ħareġ mill-karozza kien Habesh ħareġ fejn mar għal Grech u beda jsawwatha u jagħtiha bil-ponn u bis-sieq, qabadha minn xagħarha, tefagħha mal-art fejn bdiert tokrob bl-uġigħ.

Wara li Habesh taha xebgħa tajba, nieżel mill-karozza wkoll tal-marka Ford Escort, Mahouachi biex jassistih. Dawn qabdu lil Grech u ħaduha f’għalqa faċċata fejn kien tawha xebgħa u komplew b’sikkina sakemm qatluha. Il-katavru ta’ Grech kien instab mill-pulizija fit-13 t’April 2005, moħbi qalb il-ħaxix u fi stat ta’ dekompozizzjoni. Mill-awtopsja rriżulta li Grech qala’ minn tal-anqas 17-il daqqa ta’ sikkina li kkaġunawlha l-mewt.

Ix-xhud qal li mill-investigazzjoni rriżulta li Sion Grech ma kinetx armata. Qal li Grech kienet t’orjentazzjoni omosesswali, kellha l-vizzju tad-droga u kienet tipprostitwixxi ruħha biex tmantni l-vizzju. Qal li wieħed mill-akkużati, Ismael Habesh minkejja li kien miżżewweġ mara, kellu relazzjoni ma’ Grech, liema relazzjoni ma kinetx xi waħda feliċi għax spiss kienu jargumentaw fuq droga u flus li Grech kienet taqla mill-prostituzzjoni.

L-Avukat tal-AĠ kompla jgħid lill-ġurati, araw li tkunu għarbiltu l-provi kollha, wasaltu għall-verdett, tpoġġu raskom fuq l-imħadda u jkollkom raskom mistrieħa li wettaqtu ġustizzja mas-soċjetà għax ir-reati jiddisturbaw lis-soċjetà, mal-vittma u l-familjari tiegħu u mal-akkużati li jkunu nstabu ħatja tar-reati li jkunu wettqu.

Qal li hu fl-interess ta’ kulħadd li ssir ġustizzja u li se jiġu preżentati diversi provi, oġġetti elevati minn fuq ix-xena tar-reat, dokumenti, numru ta’ xhieda, etċ. “Ħarsu lejn il-provi inizjali li jippuntaw lejn direzzjoni waħda u aktar u aktar jekk imbagħad ikunu sostanzjati b’evidenza oħra li tipponta fl-istess direzzjoni.

“Eżempju qegħdin f’supermarket u naraw nies deħlin lebsin raincoat imxarba u bl-umbrellel, aħna ta’ ġewwa għandna ħjiel li barra aktarx nieżla ix-xita. Imbagħad jidħol xi ħadd u jgħid lin-nies ġewwa, tgħid x’nieżla tax-xita barra u hemm hekk ikollkom iċ-ċertezza morali li barra nieżla x-xita.

Ftit tal-ħin wara l-ġurati nħarġu barra. Il-prosekuzzjoni u d-difiża diskutew xi punti mal-Imħallef dwar ix-xhieda tal-ewwel xhud. Il-ġuri se jkompli t-Tlieta filgħodu. Habesh qed jiġi assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Simon Micallef Stafrace filwaqt li Mahouachi qed jiġi assistit mill-avukati Edward Gatt u Ismael Psaila.