Futbol Sport

Analiżi Kampjonat Premier: Pass ieħor lejn id-disa’ kampjonat għal Ħamrun Spartans

(Ritratt: Joseph Galea)

Gowl uniku skurjat fl-ewwel parti tat-tieni taqsima kien biżżejjed biex Ħamrun Spartans kisbu tlett punti oħra f’konfront dirett u diffiċli kontra Hibernians. B’din ir-rebħa huma komplew ikabbru l-vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika biex prattikament id-diskussjoni kampjonat hija magħluqa. Il-mistqosija hija issa meta ser jintrebaħ il-kampjonat mhux minn min. Ħamrun bdew din il-logħba b’vantaġġ komdu fil-quċċata tal-klassifika fejn jinsabu bit-triq għar-rebħ tat-tieni kampjonat fi spazju ta’ tlett snin u d-disa’ wieħed fl-istorja. Fil-fatt l-Ispartans rebħu sebgħa mill-aħħar tmien logħbiet tagħhom. Mill-banda l-oħra ċ-Champions renjanti Hibernians ma’ tantx kellhom staġun tajjeb s’issa fejn fl-aħħar logħba huma tilfu bl-iskor kbir ta’ 4-0 kontra Valletta biex din kienet it-tieni telfa konsekuttiva. Fl-ewwel rawnd Ħamrun Spartans kienu għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 4-1 biex b’hekk huma kisbu double fuq l-avversarji diretti tagħhom.

Draw ta’ 1-1 bejn Gżira United u Gudja United biex il-Maroons komplew jiddistakkaw aktar mill-ewwel post tal-klassifika. Riżultat li l-aktar li ssodisfa kien lil Ħamrun Spartans. Għal Gudja kien punt ieħor sabiex huma jkomplu jżommu l-pass mat-timijiet fin-naħa t-tajba tal-klassifika. Gudja kellhom in-nuqqas ta’ Karl Micallef biex kien John Mintoff li beda minfloku. Nuqqas importanti għal Gżira kien dak ta’ Maxuell Maia fejn deher evidenti n-nuqqas ta’ saħħa fl-attakk. Maia huma t-tieni l-aqwa skorer ta’ Gżira bi tmien gowls, wieħed anqas minn Jefferson fejn flimkien jiffurmaw koppja formidabbli. Gżira huwa l-aktar tim fin-naħa ta’ fuq ta’ klassifika li safa miżmum fi draw, ħamsa b’kollox fejn dan huwa aspett negattiv li kompla jbiegħed lill-Maroons mil-leaders assoluti tal-kampjonat, Ħamrun Spartans.

(Ritratt: Trevor Sollars)

Birkirkara telgħu fit-tielet post tal-klassfika b’rebħa kbira kontra Żebbuġ Rangers. Kienet wirja dominanti mill-Istripes li skurjaw ħames darbiet mingħajr risposta biex issa saru l-aktar tim li skorja gowls 28, kważi medja ta’ żewġ gowls kull partita. Żebbuġ kien diżappuntanti fejn ftit li xejn setgħu joffru reżistenza lill-avversarji aktar ikkwotati minnhom. Fil-fatt il-ħerba saret fl-ewwel taqsima fejn fi spazju ta’ ħdax-il minuta l-Istripes skurjaw 4 gowls fejn ħażdu għal kollox lil Żebbuġ. Żgur li dawn tal-aħħar għandhom ħaristhom fuq il-logħba li jmiss li tista tiswa staġun, konfront dirett kontra Santa Lucia. Għal Birkirkara kompitu ferm aktar diffiċli hekk kif huma jiffaċċjaw lil Floriana.

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Ikomplu għaddejjin bir-rebħ Mosta wara t-telfa tal-aħħar logħba kontra Gudja United  hekk kif il-vittmi tagħhom din il-ġimgħa kienu Marsaxlokk. Rebħa li poġġiet lil Mosta fil-ħames post tal-klassifika tal-Kampjonat Premier. Minkejja din ir-rebħa kienu x-Xlukkajri l-aktar li kellhom mil-logħob iżda għamlu żbalji li swewhom il-partita u l-punti. Il-kowċ Mosti Joseph Grech wettaq numru ta’ bidliet fit-tim hekk kif fost l-oħrajn kellu n-nuqqas tas-sospiż Tyrone Farrugia, li qed jissemma wkoll li jista jħalli l-klabb matul dan ix-xahar kif ukoll tal-player Acheampong li kellu l-ewwel parti tal-istaġun tajba ħafna iżda li issa sar player ta’ Sliema Wanderers. M’Xlokk issa ilhom sitt logħbiet bla rebħa biex jinsabu eżatt fuq iż-żona l-ħamra. Il-logħba li jmisshom huwa test ieħor diffiċli hekk kif iridu jilgħabu kontra t-tieni tim klassifikat, Gżira United.

(Ritratt: Joseph Galea)

Floriana kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva dan wara li b’gowl uniku skurjat minn penalty permezz ta’ Kemar Reid huma għelbu lil Sirens.  Minkejja li l-logħba ma’ leħqitx xi livelli iżda r-riżultat ma’ jirriflettix dak li seħħ fil-pitch peress li Floriana, b’mod partikolari fl-ewwel taqsima kienu dominanti. B’hekk il-Greens pattew għad-draw tal-ewwel rawnd kontra t-tim minn San Pawl il-Baħar biex kisbu tlett punti oħra li bihom telgħu fis-sitt post tal-klassifika. Għal Sirens din kienet il-ħames telfa tal-istaġun fejn minkejja li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika xorta waħda jinsabu komdi u mingħajr ebda nkwiet ta’ relegazzjoni. Lura għal-logħba Sirens kienu organizzati fid-difiża iżda naqsu li jkunu kreattivi.

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Valletta naqsu li jkomplu jibnu fuq ir-riżultati riċenti dan wara li huma sfaw miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Pietà Hotspurs. Il-Beltin kienu ġejjin minn rebħa kbira u konvinċenti kontra Hibernians u għaldaqstant kulħadd stenna xi ħaġa aktar mit-tim immexxi minn Thane Micallef. Iżda kontra t-tim tal-qiegħ huma naqsu li jimpressjonaw. Anżi kienu Pietà li fetħu l-iskor minn Kian Leonardi li qed ikollu partita aqwa mill-oħra. Id-draw Belti wasal minn penalty, it-tieni wieħed tal-partita, wara li kienu fallew l-ewwel wieħed ftit tal-ħin qabel. Għal Valletta ddebutta l-Brażiljan Niltinho, dan biex jagħti s-saħħa tant mixtieqa fl-attakk. Jidher li l-prospetti minn dan il-player huma tajbin. Pieta ħadu punt li bih ikomplu jissieltu biex jippruvaw jevitaw ir-relegazzjoni awtomatika għaċ-Challenge League.

Balzan dawru telfa f’rebħa dan wara li kienu gowl minn taħt biex sal-ewwel taqsima kienu diġa qalbu l-miżien favur tagħhom. Fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta huma ssiġillaw ir-rebħa biex komplew telgħin aktar il-fuq fil-klassifika. Kienet wirja tajba mit-tim immexxi mill-ex kowċ ta’ Santa Lucia Oliver Spiteri.  Fin-nuqqas ta’ Bozovic u Sousa huwa lagħab lil Samir Arab u Kaljevic mal-ewwel ħdax. Mill-banda l-oħra din kienet is-sitt telfa konsekuttiva għal Santa Lucia li issa jinsabu b’punti daqs Pieta fl-aħħar post tal-klassifika. Diversi bidliet ukoll fit-tim immexxi minn Enzo Potenza fejn Zerafa, Tanti u Hehedosh bdewe minflok Ayad, Xuereb u Carbone rispettivament. It-triq tidher li hija waħda għat-telgħa u iebsa għal Santa Lucia fejn jidher li ser tkun taqtiegħa biex jevitaw ir-relegazzjoni awtomatika għaliex il-possibilta hija li jispiċċaw mal-aħħar tlieta.

(Ritratt: Trevor Sollars)

INNUTAJNA

LI qabel kull partita ta’ tmiem il-ġimgħa nżammet minuta silenzju b’rispett lejn il-player leġġendarju Pele li ħalla din id-dinja fil-ġranet li għaddew.

(Ritratt: Trevor Sollars)

LI  minkejja li l-logħba Ħamrun Spartans kontra Għajnsielem suppost kellha tintlagħab f’Malta, dejjem skont kif telgħet il-polza, l-Ispartans talbu biex din tintlagħab fil-Gozo Stadium fejn it-talba tagħhom ġiet aċċettata. Il-logħba ser tintlagħab nhar il-Ħadd 15 ta’ Jannar u tibda fit-3pm.

LI  diversi klabbs huma attivi fis-suq tat-trasferimenti fejn jidher li dan ix-xahar ser ikollna anki numru ta’ players barranin ġodda li ser naraw għall-ewwel darba f’pajjiżna. Attivita kbira b’mod partikolari fiċ-Challenge League.