It-Tnejn filgħodu tliet organizzazzjonijiet – Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta u Rota – dendlu żewġ banners fuq it-traffiku miġmugħ ġewwa l-Marsa u l-Imsida biex jiġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku għan-nuqqasijiet kbar fl-infrastruttura tat-trasport.
Fi stqarrija maħruġa mill-grupp Movimenti Graffiti intqal li dawn in-nuqqasijiet huma frott id-deċiżjonijiet ħżiena tal-awtoritajiet u qed iwasslu għal dipendenza assoluta fuq il-karozza privata, konġestjoni kontinwa u tniġġis tal-arja.
Bil-messaġġ “Prijorità nies, mhux karozzi” l-organizzazzjonijiet qegħdin jikkritikaw l-ipprijotizzar tal-karozza privata fuq sistemi ta’ trasport inklussivi, sostenibbli u sikuri. Dan il-mudell sfaxxat wassal għaż-żieda ta’ kważi 40 karozza kuljum matul is-sena li għaddiet u numru allarmanti ta’ inċidenti tat-traffiku.
Is-sena li għaddiet kisret ir-rikordji kollha b’26 persuna maqtula fit-toroq tagħna u mijiet oħra li spiċċaw bi ġrieħi gravi. Iċ-ċiklisti u n-nies bil-pass huma l-iktar nies vulnerabbli f’toroq perikolużi, u dawn l-istatistiċi xejn ma jinkoraġġixxu t-tranżizzjoni volontarja tan-nies lejn mezzi alternattivi ta’ trasport.
Ironikament, il-proġetti infrastrutturali mifruxa mal-pajjiż fallew milli jtaffu l-problema tal-konġestjoni. Dan minħabba l-effett ta’ żieda fid-domanda li wissew dwaru l-esperti fil-qasam. Il-kostruzzjoni u t-twessiegħ tat-toroq wasslu wkoll sabiex tlifna meded kbar ta’ art agrikola u permeabbli għall-ilma tax-xita, li jirriżultaw f’għargħar, problemi fis-sigurtà tal-ikel, u problemi assoċjati mat-tibdil fil-klima, flimkien ma’ emissjonijiet li għandhom danni sanitarji u ambjentali.
It-tliet organizzazzjonijiet qegħdin jinsistu li jiġi rikonoxxut il-bżonn għal infrastruttura tat-trasport soċjalment inklussiva fejn:
- il-membri kollha tal-komunità, inklużi t-tfal, iħossuhom kunfidenti u sikuri jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota fuq rotot effiċjenti u pjaċevoli;
- it-trasport pubbliku, bħall-laneċ u tal-linja, ikunu fil-ħin u jservu l-bżonnijiet diversi tal-komunità, u mhux l-interessi tal-kummerċ;
- u fejn l-ispazji fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna jkunu għall-komunitajiet flok għall-parkeġġ.
Barra minn hekk, ħadd ma għandu jħossu obbligat li jinvesti f’karozza għaliex inkella jiffaċċja r-riskju li jiġi soċjalment marġinalizzat bl-infrastruttura tat-trasport ta’ pajjiżna. Għalhekk, qed nerġgħu ntennu t-talbiet tagħna lill-awtoritajiet rilevanti sabiex jieħdu l-passi neċessarji biex isewwu dak li s’issa ħolqu fi kriżi nazzjonali.
//= $special ?>