Lokali

Robert Abela jibqa’ jwebbes rasu dwar il-kariga ta’ kummissarju tal-istandards

Il-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jwebbes rasu u se jibqa’ għaddej bid-deċiżjoni tiegħu li jressaq liġi li permezz tagħha se tiddgħajjef il-kariga ta’ kummissarju tal-istandards għall-ħajja pubblika. Kariga li issa ilha battala għal dawn l-aħħar xhur. 

It-Tnejn fil-Parlament bdiet tiġi diskussa liġi fi stadju ta’ tieni qari li se temenda l-att dwar l-istandards tal-ħajja pubblika… liema emenda se twassal biex il-Gvern ikollu iktar kontroll dwar min ikun maħtur f’din il-kariga tant importanti għal pajjiżna.

Il-Prim Ministru qed jibqa’ jinsisti li din l-emenda tidħol fis-seħħ, fejn f’attakk paritġġjan… fid-diskors tiegħu fil-Parlament …indirizza lill-Kap tal-PN Bernard Grech u qallu biex ma jagħżilx dik il-parti tal-ftehim li tgħoġob lilu, u jiskarta l-oħrajn.

Bħalissa, il-kummissarju tal-istandards, li xogħolu huwa li jinvestiga lmenti u kwistjonijiet dixxiplinarji li jikkonċernaw membri tal-parlament, irid jiġi elett biż-żewġ terzi tal-parlament. Iżda l-Gvern irid ibiddel dan kollu.

Ftit tal-jiem ilu l-Gvern ippubblika d-dettalji dwar abbozz ta’ liġi li jippermettilu li jaħtar kummissarju tal-istandards mingħajr il-ħtieġa ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament. Jekk dan l-abbozz jidħol fis-seħħ, il-Gvern ikun jista’ jaħtar lil min irid hu f’din il-kariga b’maġġoranza semplici fil-Parlament….wara tliet voti. 

Filfatt ħafna kritiċi huma mħassba li dan kollu se jippermetti li Robert Abela jaħtar lil min irid hu bħala kummissarju tal-istandards, u b’mod effettiv jinjora l-ħtieġa ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi. Il-kritiċi qed jgħidu li dan kollu jaf ikun perikoluż minħabba li l-persuna maħtura se tkun qed tinvestiga l-Membri Parlamentari tal-Gvern stess.

Ftit tal-jiem ilu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kiteb uffiċjalment lill-Prim Ministru Robert Abela biex jikkunsidra lill-eks Speaker Myriam Spiteri Debono, l-eks Imħallef Silvio Meli u l-eks Kap Eżekuttiv tal-Air Malta Philip Micallef għall-irwol ta’ Kummissarju tal-Istandards.

Robert Abela minn naha tieghu qed jinsisti fuq isem wieħed biss flok Geoorge Hyzler, iżda l-Partit Nazzjonalista għandu d-dubji tiegħu dwar l-effettività ta’ din il-persuna. B’Abela jidher li ma tax każ l-ismijiet li qed tipproponi l-Oppożizzjoni hekk kif qed jibqa’ jinsiti li l-isem tiegħu huwa l-aħjar għażla għal din il-kariga.

Fl-aħħar jiem, anke l-Għaqda Studenti tal-Liġi kkririkat lill-Gvern għal din id-deċiżjoni li ħa.