Lokali

Rock’n Malta – kunċerti b’mużika rock f’Malta

It-Tnejn wara nofsinhar, ġie mniedi il-kalendarju ta’ Rock’N Malta, mtella’ minn Festivals Malta – fejn tħabbru l-avvenimenti kollha li se jsiru tul is-sena 2023.

F’konferenża tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala ħabbret il-kalendarju ta’ Rockn Malta fejn b’kollox .. madwar 20 kunċert se jittellaw  fil-Gzejjer Maltin tul din is-sena.

Is-sensiela ta’ kunċerti ta’ mużika Rock u sotto-ġeneri li jaqgħu taħt dan il-ġeneru se jiġu mtella’ minn Marzu ta’ din is-sena sa Diċembru, u se jinvolvu madwar 650 artist – kemm dawk lokali kif ukoll artisti internazzjonali.

Fost il-kunċerti li huma ikkonfermati għal din is-sena, il-kalendarju ta’ Rockn Malta se jiftaħ b’kunċert li se jsir f’Marzu li ġej .. mill-grupp Finlandiż ta’ fama  internazzjonali Lordi. Dan il-grupp kiseb fama mad-dinja kollha meta rebaħ il-Eurovision bil-kanżunetta “Hard Rock Hallelujah”.

Kunċert ieħor li se jittella’ f’Malta, huwa l-kunċert  mill-grupp popolari Brittaniku ‘Mike and the Mechanics’. Fost il-kanżunetti l-aktar popolari ta’ din il-band insibu “Silent Running”, “All I Need Is a Miracle”, “The Living Years”, “Word of Mouth“, u “Over My Shoulder.”

Il-kalendarju ta’ Rockn Malta se jagħlaq b’kunċert imtella’ mill-grupp lokali ‘The Travellers’’ fejn ser jitella’ f’Diċembru li ġej għaż-żmien tal-Milied.

Dan il-grupp oriġina fl-2016 u għamel l-ewwel debut tiegħu bil-kanżunetta ‘Sempliċità’. Minn hemm hekk dan il-grupp kompla jikseb il-fama’ tiegħu kemm fil-gzejjer Maltin kif ukoll barra minn xtutna, u illum jitqies bħala wieħed mill-aqwa gruppi mużikali li għadna f’Malta.

Fis-sena 2023, nistennew li naraw ukoll il-kunċerti ‘Rock the South’, ‘The Symphonic Rock Show’, u ‘Symphonic Rock Orchestra’ fost oħrajn.