Fil-kuntest tal-isfidi li l-prezzijiet tal-enerġija qed iġibu anke fuq pajjiżna, din il-ġimgħa ġiet imnedija l-kampanja ‘Be Efficient Save Energy’.
Din se tkun kampanja ta’ tagħrif għan-negozji biex ikunu effiċjenti fl-użu tal-enerġija u kemm jista’ jkun titnaqqas il-ħela.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kien hemm preżenti numru ta’ korpi kostitwiti, intqal li l-effiċjenza fl-eneġrija u t-tnaqqis fil-ħela huma kruċjali għal kull imprenditur u dan speċjalment fid-dawl tal-kriżi li bħalissa qed tolqot anke lil pajjiżna.
Bost korpi kostitwiti qablu li quddiem din l-isfida, kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu u huwa għalhekk li qed tingħata din l-opportunita lin-negozji kollha ta’ pajjiżna permezz ta’ din il-kampanja ta’ informazzjoni.
Numru ta’ punti li tqajmu matul din il-laqgħa kienu li quddiem din il-kriżi ta’ enerġija, hemm bżonn investiment f’enerġija iktar ħadra. Apparti dan għandu jkun hemm iktar inċentivi għall-bini li jkun konformi mal-ambejnt ta’ madwarna u jkun hawn iktar inċentivi għal dan is-settur.
Punti ieħor li tqajjem kien li n-negozji għandhom jużaw l-enerġija b’mod iktar effiċjenti u sostenibbli. Dan filwaqt li jkun hemm pjan fit-tul f’dan is-settur tant importanti għal pajjiżna.
Il-korpi kostitwiti kollha qablu fuq il-bżonn li jiżdied l-għarfien kemm fost il-pubbliku kif ukoll fost l-intrapiżi sabiex titnaqqas il-ħela fl-enerġija u kulħadd ikun responsabbli ħalli jinstabu s-soluzzjonijiet bżonnjużi għal pajjiżna.
//= $special ?>